Illum, il‑Ħadd 7 ta’ Ġunju 2020, Solennità tat‑Trinità Qaddisa, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna nieda d‑dokument ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ – dokument li jagħti l‑viżjoni tal‑Knisja f’Malta u l‑proċess ta’ tiġdid tal‑Knisja ispirat minn din il‑viżjoni. Dan id‑dokument jindika wkoll impenji partikulari fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta għall‑erba’ snin li ġejjin fid‑dawl ta’ dan il‑proċess ta’ tiġdid.
It‑tnedija ta’ dan id‑dokument saret waqt Quddiesa li l‑Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra fil‑Grotta ta’ San Pawl, ir‑Rabat, u li ġiet imxandra fuq il‑mezzi ta’ komunikazzjoni. Id‑dokument huwa aċċessibbli minn vjagg.knisja.mt.
L‑Arċisqof, filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha fil‑Knisja u fis‑soċjetà li taw is‑sehem tagħhom fit‑tfassil ta’ dan id‑dokument, qal li dan ġie wkoll rivedut f’dawn l‑aħħar xhur fid‑dawl tal‑esperjenza li għexna waqt l‑imxija tal‑pandemija COVID‑19.
‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ jagħti viżjoni li għandha rabta partikulari mal‑viżjoni tal‑Papa Franġisku, b’mod partikulari mal‑Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii gaudium (Il‑Ferħ tal‑Evanġelju), u mal‑mod kif il‑Papa fit‑tagħlim tiegħu jfisser dan il‑proċess ta’ tiġdid fil‑kuntest ta’ Knisja lokali. Id‑dokument, li huwa ispirat mir‑rakkont tad‑dixxipli ta’ Emmaws mill‑Evanġelju ta’ San Luqa, jelenka erba’ prijoritajiet ewlenin għall‑Knisja: li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja u li toħrog bla biża’ biex ixxandar l‑Bxara t‑Tajba.
L‑Arċisqof Scicluna sejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta – parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, movimenti tal‑lajċi, familji u oħrajn – biex ikunu parti minn dan it‑tiġdid tal‑Knisja. Qal li t‑tiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun “imposta” minn fuq għal isfel, imma se jkun tassew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl‑aspetti kollha tal‑Knisja f’Malta. L‑Arċisqof qal li “b’dan il‑mod, imdawlin u mmexxijin mill‑Ispirtu ta’ Alla, bħala poplu pellegrin inkomplu niktbu l‑istorja tal‑Knisja f’pajjiżna li bdiet bil‑miġja fostna ta’ Missierna San Pawl, li lejh nibqgħu dejjem grati. Nitolbuh jidħol għalina, għall‑Knisja f’Malta u għal pajjiżna.”
Diskors mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Huwa b’ferħ kbir li llum, fis‑Solennità tat‑Trinità Qaddisa, qed inniedi d‑dokument ‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’. Dan id‑dokument jurina b’mod sabiħ ħafna l‑viżjoni tal‑Knisja f’Malta u l‑proċess ta’ tiġdid tal‑Knisja ispirat minn din il‑viżjoni.
Minn qalbi nirringrazzja lil dawk kollha li taw is‑sehem tagħhom fit‑tfassil ta’ dan id‑dokument, li ġie wkoll rivedut f’dawn l‑aħħar xhur fid‑dawl tal‑esperjenza li għexna lkoll bil‑pandemija COVID‑19.
‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ jagħti viżjoni li għandha rabta partikulari mal‑viżjoni tal‑Papa Franġisku, b’mod partikulari mal‑Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii gaudium, u mal‑mod kif il‑Papa jifhem dan il‑proċess ta’ tiġdid fil‑kuntest ta’ Knisja lokali. Dan id‑dokument jindika wkoll impenji partikulari fl‑Arċidjoċesi għall‑erba’ snin li ġejjin fid‑dawl ta’ dan il‑proċess ta’ tiġdid.
Insejjaħ lill‑entitajiet kollha tal‑Knisja f’Malta — parroċċi, kongregazzjonijiet reliġjużi, skejjel, movimenti tal‑lajċi, familji u oħrajn — biex jagħmlu tagħhom din il‑viżjoni u jidħlu fil‑proċess ta’ dixxerniment propost. It‑tiġdid li qed ikun propost mhux xi ħaġa li se tkun “imposta” minn fuq għal isfel, imma se jkun tassew proċess ħaj li jikber b’mod organiku fl‑aspetti kollha tal‑Knisja f’Malta.
Mil‑lum, id‑dokument huwa aċċessibbli fuq il‑website tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt. Nistedinkom ilkoll biex taqrawh, u biex flimkien tkunu parti minn dan it‑tiġdid tal‑Knisja. B’dan il‑mod, imdawlin u mmexxijin mill‑Ispirtu ta’ Alla, bħala poplu pellegrin inkomplu niktbu l‑istorja tal‑Knisja f’pajjiżna li bdiet bil‑miġja fostna ta’ Missierna San Pawl, li lejh nibqgħu dejjem grati. Nitolbuh jidħol għalina, għall‑Knisja f’Malta u għal pajjiżna.
Illum 7 ta’ Ġunju 2020, il-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, Malta
Agħfas hawn għall-omelija tal-Arċisqof waqt il-Quddiesa fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa