Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta ppubblikat l‑aħħar rapport tagħha, Beyond GDP II: Third Country Nationals in Malta: Sharing in our economic future or serving labour market interests? Ir‑rapport inħareġ fi żmien meta l‑policies dwar il‑migrazzjoni qed jevolvu u d‑dipendenza tal‑ekonomija Maltija fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN) qed tkompli tiżdied.
Il‑kuntest uniku Malti — karatterizzat minn popolazzjoni li qed tixjieħ, rati baxxi ta’ fertilità, nuqqas ta’ ħaddiema u sforzi għal tkabbir ogħla tal‑Prodott Gross Domestiku — jenfasizza l‑kontribut indispensabbli tal‑persuni TCN. Ir‑rapport jenfasizza l‑importanza li persuni TCN jiġu ttrattati daqs il‑ħaddiema Maltin, aktar milli bħala strumenti li jikkontribwixxu għat‑tkabbir tal‑Prodott Gross Domestiku.
Dan ir‑rapport ikompli jibni fuq ix‑xogħol li sar f’Beyond GDP I (2020), li xpruna diskussjoni kritika li tevalwa s‑suċċess ekonomiku b’kejl lil hinn miċ‑ċifri tal‑Prodott Gross Domestiku. L‑istudju jgħaqqad statistika disponibbli għall‑pubbliku ma’ għarfien miksub minn intervisti mal‑partijiet interessati kif ukoll mexxejja ta’ komunitajiet minn pajjiżi terzi. Is‑sejbiet jippreżentaw perspettiva komprensiva dwar l‑esperjenzi mgħixa u ekonomiċi ta’ persuni TCN f’Malta.
F’Awwissu 2023, il‑ħaddiema TCN li għandhom single work permit kienu fil‑biċċa l‑kbira rġiel żgħażagħ (bejn il‑25 u d‑39 sena) impjegati f’setturi varji fosthom fl‑amministrazzjoni (inkluż aġenziji għal xogħol temporanju), l‑akkomodazzjoni, is‑servizzi tal‑ikel, il‑kostruzzjoni, il‑bejgħ bl‑ingrossa u bl‑imnut (wholesale and retail), u l‑manifattura. Dawn ir‑rwoli spiss kienu f’impjiegi bi produzzjoni baxxa jew b’ħiliet baxxi, bil‑pagi tat‑TCN ikunu medja ta’ 17% inqas minn tal‑ħaddiema Maltin, minkejja li ħafna kienu kkwalifikati żżejjed għall‑pożizzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il‑bdil spiss fl‑impjieg tal‑ħaddiema TCN fi ħdan is‑suq tax‑xogħol jikkontribwixxi għall‑instabbiltà fl‑ekonomija u fis‑soċjetà.
Beyond GDP II jitfa’ dawl fuq kemm hu kumpless u ambigwu l‑proċess tal‑applikazzjonijiet għas‑single work permits, li jkompli jiggrava bl‑ostaklu tal‑lingwa. Dan jagħti lok lill‑aġenziji biex jisfruttaw finanzjarjament lill‑applikanti TCN. Ħafna minnhom iħossu li r‑rekwiżiti tad‑dokumentazzjoni huma kkumplikati, xi kultant mhux realistiċi, jew sempliċiment qegħdin hemm biex jiġġeneraw dħul għal ħaddieħor. Il‑frustrazzjoni tkompli tiżdied meta ħafna nnutaw li applikanti li għandhom konnessjonijiet jew li jifilħu jħallsu aktar, spiss jistgħu jsibu modi “illeċiti” kif jevitaw dawn ir‑rekwiżiti. Id‑dewmien fl‑ipproċessar tal‑permessi jwassal ukoll biex xi wħud jaħdmu illegalment, li tpoġġihom f’pożizzjoni vulnerabbli għal aktar sfruttament.
Taħt is‑sistema ta’ single work permit, il‑permess ta’ residenza tal‑persuni TCN huwa dipendenti mill‑“benevolenza” ta’ min iħaddimhom, li tagħmilha iktar bi tqila biex jirrappurtaw kwistjonijiet bħal nuqqas ta’ sigurtà fuq il‑post tax‑xogħol jew trattament inġust minħabba l‑biża’ li jitwaqqfu mix‑xogħol u li jiġu deportati.
Iż‑żieda fl‑ispejjeż tal‑kiri u n‑nuqqas ta’ għarfien dwar ir‑regolamenti tal‑kiri spiss iwasslu lil persuni TCN biex jgħixu f’postijiet iffullati jew f’arranġamenti ta’ livell baxx. Ħafna drabi dawn is‑sagrifiċċji jsiru biex jiffrankaw il‑flus u jkunu jistgħu jibagħtu l‑flus lill‑familji tagħhom lura d‑dar.
Barra minn hekk, rekwiżiti ta’ dħul aktar stretti wasslu biex aktar familji ma jistgħux ikunu mal‑għeżież tagħhom, inkluż tfal li ma jistgħux jibqgħu jgħixu mal‑familja minkejja li twieldu f’Malta jew kienu diġà qed jgħixu hawn. Minħabba dan l‑infurzar, it‑tfal qed jitħallew bla dokumenti, li jagħmluhom aktar vulnerabbli u inviżibbli. Id‑dewmien fl‑ipproċessar tal‑karti tal‑identità tat‑tfal ikompli jfixkel ir‑reġistrazzjoni tagħhom fl‑iskejjel u jxekkel id‑dritt tagħhom għall‑edukazzjoni.
L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi rringrazzja lill‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u lil dawk kollha li ħadu sehem, għar‑rapport Beyond GDP II, u talli tpoġġa dawl fuq l‑isfidi moħbija taċ‑ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’Malta. Hu qal li kull bniedem, irrispettivament min‑nazzjonalità jew l‑istat legali tiegħu, hu maħluq fix‑xbieha t’Alla. Dan it‑twemmin fundamentali jenfasizza s‑sejħa tal‑Knisja biex tittratta liċ‑ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’rispett u dinjità u biex tipproteġi ħajjithom u d‑drittijiet umani tagħhom. “Dan ir‑rispett irid jintwera f’attitudnijiet, policies, u azzjonijiet konkreti,” saħaq l‑Isqof Galea‑Curmi.
Il‑President tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Daniel Darmanin qal li “l‑għan ta’ dan ir‑rapport hu li jagħti s‑setgħa lil persuni TCN billi jagħtihom vuċi, jenfasizza l‑kontribuzzjonijiet, il‑benefiċċji, u l‑isfidi tagħhom meta jiġu biex jakkwistaw il‑permess tax‑xogħol. Dan mingħajr ma jpinġihom bħala vittmi jew jimmina l‑awtonomija tagħhom. Il‑Kummissjoni tqis dan ir‑rapport bħala għodda essenzjali għat‑tiswir tal‑policies futuri, u tħeġġeġ rikonoxximent kollettiv tal‑kontribuzzjonijiet sinifikanti li persuni TCN jagħmlu lil Malta u tenfasizza l‑importanza li titrawwem soċjetà fejn kulħadd jista’ jsib skop, dinjità u komunità.”
Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tesprimi l‑gratitudni tagħha lejn il‑parteċipanti kollha f’dan l‑istudju, partikolarment il‑mexxejja komunitarji barranin li qasmu l‑isfidi tagħhom u fdaw lill‑Kummissjoni biex tirrappreżenta l‑vuċijiet tagħhom.
Ir‑ringrazzjament hu estiż ukoll lejn il‑partijiet interessati, inkluż l‑avukati u l‑membri tal‑NGOs li jassistu lill‑migranti u lil persuni TCN fil‑proċess tas‑sistemi lokali u pprovdew feedback siewi għall‑istudju. Il‑Kummissjoni tirrikonoxxi l‑ħidma kontinwa tagħhom biex jiżguraw soċjetà ġusta fejn ħadd ma jibqa’ lura.
Il‑pubblikazzjoni ta’ Beyond GDP II saret bl‑appoġġ ta’ EY u APS Bank. Ir‑rapport jinsab fuq gp.knisja.mt.