• ****

    Direttur: Brad Bird
    Atturi: Britt Robertson, George Clooney, Thomas Robinson
    Ħin: 130 minuti
    Klassifika taċ-Ċensura: PG
    Klassifika tal-Knisja: 12A

    Il-prologu jippreżenta lil Frank, tifel ġenju li jivvinta affarijiet, qed iżur in-New York World’s Fair fl-1964 meta jingħata badge ta’ Tomorrowland minn tifla Ingliża misterjuża. B’din il-badge Frank jagħmel rikba speċjali li tieħdu f’dinja sigrieta tal-futur. Lura fil-preżent, Casey, żgħażugħa intelliġenti minn Florida, bint engineer tan-Nasa, tingħatha wkoll badge ta’ Tomorrowland li x’ħin tmissha teħodha fid-dinja tal-futur; ma tmurx hemm fiżikament iżda tara din id-dinja qiesha qedha hemm. Casey tfittex li tkun taf iżjed dwar id-dinja tal-futur u għalhekk titlaq lejn Houston fejn tiltaqa’ ma’ Athena, tfajla dejjem żgħażugħa, li tieħu lil Casey New York biex tiltaqa’ ma’ Frank, issa xjenzat qed jixjieħ u nervuż, li jaf kif wieħed jista’ jidħol fid-dinja tal-futur immexxija minn Nix, bniedem pessimist li qed jistenna id-dinja tagħna tinqered. Frank jaf li Casey jista’ jkun li għandha ċans li ma’ tħallix li dan iseħħ.

    Film ta’ fantaxjenza u avventura, film ottimist minn Disney dwar l-ambjent u l-qagħda ħażina li fiha tinsab id-dinja tagħna iżda li tista’ tiġi salvatha. Iktar mill-plot, il-film hu spettakolari viżwalment, bil-gadgets meraviljużi u karattri interessanti li fih. Fih ħafna vjolenza. Tfal sa 12 il-sena għandhom ikunu akkumpanjati mill-ġenituri.