• ****

    Direttur:          Michael Bay
    Atturi:             Mark Wahlberg, Stanley Tucci, Kelsey Grammer, Nicola  Pelz, Jack Reynor, Sophia Myles u Li Bingbing
    Ħin tal-Film:    165 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          12

    Fiż-żmien il-preistoriku, esseri magħrufha bħala “Kreaturi” jikkawżaw it-tmiem ta’ kull ħajja fid-Dinja. Fil-preżent, l-arkeoloġista Darcy jiskopri dinosawru miksi b’metal mhux magħruf. Jgħaddu ħames snin mill-Battalja ta’ Chicago u Cade Yeager, armel u nventur u sieħbu Lucas, jixtru vettura qadima biex iħottuha u bil-flus li jdaħħlu, Cade jkun jista’ jħallas għall-edukazzjoni għolja ta’ bintu Tessa. Cade ma jdumx ma jintebaħ li l-vettura qadima wara kollox kienet Transformer bl-isem ta’ Optimus Prime. Cade ssewwi l-ħsara li sab. Sadanittant, sezzjoni speċjalizzata tas-CIA, magħrufa bħala Cemetery Wind, immexxija mill-aġent paranojju, Harold Attinger, kellha l-mandat li teqred id-Decepticons. Iżda Attinger, mhux biss lid-Decepticons kien qiegħed jeqred, iżda wkoll l-Autobots. Bl-għajnuna ta’ Lockdown, li kien lest jagħmel kollox għal flus, jirnexxielhom joqtlu lil Autobot Ratchet. Meta jsiru jafu li Optimus Prime jinsab ġewwa Texas, din is-sezzjoni tas-CIA, taħt it-tmexxija ta’ James Savoy u Lockdown jivvjaġġaw lejn Texas fejn hemm jheddu lil Cade, lill-bintu Tessa u lil Lucas. Hawn Optimus Prime jieħu l-ħajja u jattakka b’feroċita` lil dawn li ġew biex jaqbduh. Cade u Tessa jirnexxielhom jaħarbu bis-saħħa ta’ Shane Dyson, il-maħbub sigriet ta’ Tessa. Sfortunatament, Lucas jinqatel minn Lockdown. Optimus minnaħa tiegħu jgħaqqad flimkien l-Autobots: Bumblebee, Hound, Drift u Crosshairs. Cade li kien irnexxielu jieħu f’idejh drone waqt l-attakk li sar fuqhom, isir jaf li KSI qegħda tilgħab parti fis-sezzjoni Cemetery Wind. Cade flimkien ma’ Tessa u Shane jiddeċiedu li jinfiltraw il-kwartieri ġenerali biex jitkixxfu x’qiegħed isir hemm ġew. Fil-fatt x’kien qieghed jinħema hemm ġew? X’sejra tkun ir-reazzjoni ta’ Cade, Tessa u Shane li flimkien ma Optimus u l-Autobots l-oħra jsiru jafu x’qiegħed isir. X’jiġri minn hawn?

    Film ta’ fantaxjenza bi 3D, ir-raba’ wieħed f’sensiela ta’ films mimlija azzjoni fuq Transformers li jinbidlu f’ħakka t’għajn f’xi karozza lussuża. Dan il-film ikompli fejn kien ħalla l-film: Dark of the Moon u jseħħ ħames snin wara l-invażjoni ta’ Chicago. Minħabba l-għadd ta’ azzjonjiet vjolenti għalkemm mhux mdemmija, kif ukoll lingwaġġ goff użat, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.