L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ejjew inħobbu lil xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla” (1 Ġw 4:7). Dal-kliem, mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, flimkien mal-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju – “Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:17) – jgħinuna biex immorru fil-qalba tal-ħajja Nisranija: l-imħabba. 

Ġesù jfakkarna li fl-aħħar mill-aħħar, l-aktar li tiswa u l-isbaħ esperjenza fil-ħajja tagħna hi proprju l-imħabba. Aħna maħluqin xbieha ta’ Alla, u meta ħalaqna tana l-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba, u li hemm tassew insibu l-milja tal-ħajja tagħna għax hemm inkunu qed nissieħbu b’mod qawwi fil-ħajja tiegħu ta’ Alla.

It-tifsira vera

Hu importanti li nifhmu t-tifsira li jagħti Ġesù ta’ x’inhi l-imħabba, għax illum, bħal żminijiet oħra, insibu użu differenti tal-kelma “mħabba”. Nafu li hawn hekk imsejħa “gżejjer ta’ mħabba” fejn l-iktar importanti hu li tiġbed l-attenzjoni fuqek innifsek, li timxi ma’ dak li tħoss, u li tfittex il-popolarità. 

Dawn huma eżatt il-kontra tal-imħabba kif jgħallimha u kif juriha Ġesù. Hu jgħidilna x’inhi l-ikbar imħabba: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Ġesù jurina li l-imħabba mhijiex li int tiġbed lejk innifsek jew li tfittex lilek innifsek, mhijiex li timxi ma’ li tħoss, imma li tkun lest li tagħti, li tagħmel ħajtek għotja, u f’din l-għotja ssib tassew il-ferħ li jimla l-qalb – il-ferħ li fuqu jitkellem Ġesù meta jgħid: “biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).

Il-ħajja reali

Fil-fatt, fil-ħajja hemm ħafna esperjenzi li juruna dal-kliem ta’ Ġesù fil-prattika. Ħu, per eżempju, dak li jagħmlu numru sew gruppi ta’ żgħażagħ f’esperjenzi ta’ volontarjat speċjalment fil-ġimgħat tas-sajf kemm f’Malta kif ukoll f’pajjii barra minn Malta. Imorru biex ikunu ta’ għajnuna, biex jagħmlu l-ġid ma’ persuni fil-bżonn. U ħafna jgħidulek: meta morna biex nagħtu, aħna rċevejna ħafna aktar milli tajna. Għax meta tgħin b’imħabba, hemm iġġarrab tassew il-ferħ li ġġib l-imħabba, tkun esperjenza li timla l-qalb.

Ħarsu lejn tant ġenituri. Il-Ħadd li ġej hu Jum l-Omm, għalhekk niftakru fl-esperjenza ta’ tant ommijiet, u magħhom naturalment il-missirijiet. Jagħmlu minn kollox biex ikunu ta’ ġid għal uliedhom, u hemm jgħixu l-kliem ta’ Ġesù fuq l-akbar imħabba għax jagħtu ħajjithom għal uliedhom. Hu f’din l-imħabba li huma jkollhom il-milja tal-ħajja.

Insemmi wkoll ir-reliġjużi u nies oħra li jaqdu fil-komunità. Aħna għandna, fil-parroċċa tagħna, diversi nies li b’imħabba jiddedikaw il-ħin tagħhom għall-ġid tal-oħrajn fil-komunità f’ħidmiet varji. Għandna wkoll tliet komunitajiet ta’ reliġjużi, il-parti kbira sew minnhom anzjani jew anzjani ħafna. Meta titkellem ma’ kull waħda minn dawn ir-reliġjużi, u tisma’ l-esperjenza tagħhom ta’ snin – kultant tletin jew erbgħin sena f’missjoni f’pajjiż ’il bogħod minn Malta, dejjem b’servizz lejn dawk fil-bżonn – tara l-għajxien ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù dwar l-akbar imħabba: taw ħajjithom u hemm sabu tassew il-milja tal-ħajja, hemm sabu l-ferħ veru.

L-isbaħ eżempju

Meta nħarsu lejn Ġesù, hemmhekk għandna l-isbaħ eżempju ta’ x’jiġifieri l-akbar imħabba. Meta hu qal “ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” hu kien qed jgħid ċertament għall-akbar imħabba li kien se juri fuq is-salib meta miet għalina, imma wkoll għal kull jum tal-ħajja tiegħu li kienet dejjem għotja sħiħa għall-oħrajn. Kull min jiltaqa’ ma’ Ġesù, kemm jekk xi ħadd individwali, kemm jekk grupp ta’ nies, kif ukoll jekk folla, kulħadd għandu din l-esperjenza ta’ mħabba li tfisser li tfittex il-ġid, li tieqaf ma’ min hu fil-bżonn.

Għandna nħarsu lejn Ġesù u nitolbuh li f’ħajjitna nfittxu li, kif ħabbna hu, hekk inħobbu aħna lill-oħrajn. Meta Ġesù jgħidilna “ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12), iqiegħed l-istandards pjuttost għoljin – għax l-imħabba ta’ Ġesù kienet imħabba lejn kulħadd mingħajr distinzjoni, mhux imħabba lejn min hu simpatiku jew min miegħu jmur tajjeb; kienet imħabba mhux biss lejn min iħobbu imma wkoll lejn l-għedewwa tiegħu, imħabba li tfisser maħfra. Nitolbuh din il-grazzja li aħna dejjem nikbru f’din l-imħabba, u jkollna qalb iktar tixbah lil tiegħu.

Fil-ħajja ordinarja

Minn fejn nibdew? Din l-imħabba ngħixuha l-ewwel fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum, mhux noqogħdu nistennew xi okkażjoni partikulari li tinqala’ xi darba. Hu fil-ħajja ordinarja, bl-attenzjoni lejn l-oħrajn, l-ewwel dawk li qegħdin qrib tagħna u li magħhom ngħixu: li nisimgħuhom, li nuruhom għożża fi kliemna u għemilna, li nfittxu l-ġid tagħhom. Hemm tant ċirkustanzi differenti fil-ħajja fejn nistgħu ngħixu din l-imħabba.

Nitolbu lill-Mulej: int li int l-imħabba fil-milja tagħha, u li seħibtna f’din il-ħajja tiegħek, għinna biex inħobbu tassew u biex f’din l-imħabba li ngħixu kuljum insibu tassew il-ferħ li trid tagħtina int, il-milja f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju