Għaxriet ta’ eluf ta’ nies imlew Pjazza San Pietru fil-Vatikan f’turija massiċċa ta’ solidarjeta mal-Papa Benedittu XVI dwar il-każ ta’ allegati abbużi sesswali minn membri tal-kleru. Il-Papa deher sorpriż immens u qal li kien kuntent ħafna b’dik li sejjaħ “turija spontanja ta’ fidi u solidarjeta”. Għal darb’oħra, ikkritika pubblikament dak li sejjaħ “dnub” li fi kliemu, infetta lill-Knisja u li allura din tal-aħħar issa teħtieġ tiġi purifikata minnu.
Assoċjazzjoni magħmula minn 68 grupp Taljan ta’ lajċi organizzaw id-dimostrazzjoni fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, li minkejja x-xita nieżla rxiex kontinwament, imlew il-Pjazza tal-Vatikan. Kien irrappurtat li normalment dawn il-folol jikkaratterizzaw l-istess Pjazza waqt xi kanonizzazzjoni jew f’xi quddiesa ewlenija konċelebrata mill-Kap tal-Knisja. Kienu rrappurtati wkoll l-applawsi lill-Papa u l-għajjat ta’ frażijiet bħala BENEDETTO. Għal dan il-Papa esprima għal darba darbtejn l-apprezzament tiegħu għall-preżenza u l-fiduċja ta’ kulħadd. Il-Papa ma rreferiex partikolarment għall-iskandlu tal-abbużi, imma tenna li l-iskandlu nibet minn dnubiet fi ħdan il-Knisja. Fi kliemu, “il-vera għadu li wieħed jibża minnu u jibża jiġġieled huwa d-dnub, il-ħażen spiritwali li qal li jispiċċa jinfetta anki lill-Knisja”.
Il-Papa temm jgħid li l-Knisja, fidila lejn il-missjoni tagħha, trid tfittex il-purifikazzjoni tagħha nnifsha minn dal-ħażen.