Skont il-qawl, is-saħħa kollox. Jiġifieri min ikun b’saħħtu ma jkun jonqsu xejn u jgħix ħajja kif għandha tkun. Għalkemm dan il-qawl qed jgħid sewwa, mill-banda l-oħra, il-kwalità tal-ħajja tal-familja hija marbuta wkoll ma’ relazzjonijiet b’saħħithom, gwida tajba mill-ġenituri u l-istabilità emozzjonali tal-membri kollha tagħha. Is-saħħa tal-familja tiddependi ħafna minn kemm il-membri tagħha jkollhom ħila jibbilanċjaw ix-xogħol, is-serħan u l-logħob, li lkoll jistimulaw enerġija oħra, ikattru s-sodisfazzjon u jġagħlu lill-membri jħossuhom aħjar.

Għaldaqstant huwa importanti li nagħrfu l-mod li jwassalna għal stil ta’ ħajja tal-familja li tkun aktar b’saħħitha u aktar interessant, l-aktar illum li aħna mdawwrin b’ hafna taghrif.  Biex insaħħu l-hajja fil-familja u l-istabilità tagħha bilfors irridu nkomplu nfittxu u nitghallmu.

Kulħadd mistieden jiddiskuti dan is-suggett nhar il-Ħamis, 20 ta’ Mejju, 2010, fis-Sala Mons. Gonzi, fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, fis-7p.m. Dr John M. Cachia, Direttur Ġenerali (Is-Servizzi tal-Kura tas-Saħħa) se jaqsam magħna diversi aspetti dwar kif nistgħu nħarsu, u nġibu ‘l quddiem is-saħħa tal-familja Maltija.

Din hija attitvita’ oħra fis-sensiela Żwieġ b’Saħħtu, proġett mibni mill-Moviment ta’ Kana, biex isaħħaħ iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja.