Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija inawgura uffiċċji ġodda f’Ħal Balzan sabiex ikun jista’ jkompli jagħti servizz aħjar lill‑istudenti u l‑impjegati fl‑iskejjel tal‑Knisja. Dawn ġew imbierka mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi wara quddiesa li saret fil‑Kappella tal‑Bon Pastur f’Ħal Balzan stess. Għal din il‑quddiesa u għat‑tberik tal‑uffiċċji attendew l‑impjegati tas‑Segretarjat, sorijiet tal‑Bon Pastur u persuni oħra li taw sehemhom fit‑twettiq tal‑proġett.
Minn dawn l‑uffiċċji f’Ħal Balzan se jkunu qed jaħdmu l‑impjegati li jieħdu ħsieb l‑applikazzjonijiet għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja kif ukoll impjegati li jaħdmu mill‑qrib mal‑istudenti u l‑edukaturi fosthom ħaddiema soċjali, ħaddiema ta’ żgħażagħ, psikologi edukattivi, counsellors, psikoterapista, play therapist, career advisors, tim ta’ sapport ta’ dyslexia, occupational therapist, u tim ta’ sapport soċjali, emozzjonali u ta’ mġiba.
Fil‑messaġġ tiegħu waqt l‑inawgurazzjoni, l‑Isqof Joseph Galea‑Curmi rringrazzja lill‑impjegati kollha tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u ħeġġiġhom sabiex permezz ta’ ħidmiethom fid‑diversi aspetti edukattivi, jgħinu lin‑nies li jiltaqgħu magħhom jagħrfu x’inhuma d‑drittijiet u anke r‑responsabbiltajiet tagħhom sabiex “ikollna soċjetà li tirrispetta l‑bniedem fid‑dinjità kollha tiegħu”.
Patri Charles Mallia O. Carm, id‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Edukazzjoni Nisranija, qal li s‑Segretarjat dejjem jaħdem sabiex itejjeb u jkabbar is‑servizzi li joffri u rringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex dan il‑proġett seta’ jsir. L‑uffiċċji l‑ġodda huma “għodda oħra biex l‑impjegati jkomplu jagħtu servizz lis‑settur edukattiv u lis‑soċjetà”.
Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija jimpjega aktar minn 120 persuna, u permezz tad‑diversi servizzi li joffri jgħin lill‑55 skola tal‑Knisja li jieħdu ħsieb aktar minn 16,000 student u jimpjegaw madwar 3,000 persuna.