L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. se jmexxi l-Via Crucis Nazzjonali li se ssir nhar l-Erbgħa 4 ta’ April, 2012, fit-8.00 p.m. It-tema għal din is-sena hi Ġesù u r-Refuġjat fit-Triq tas-Salib’.

Fuq xewqa tal-Arċisqof, il-Via Crucis ħafna drabi ssir f’postijiet fejn jgħixu nies li għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija. Propju għalhekk il-Via Crucis se tibda miċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa fejn jgħixu mmigranti li huma mifrudin mill-familji tagħhom, wara li kellhom iħallu pajjiżhom minħabba ċirkustanzi varji. Il-Via Crucis tintemm fil-Knisja Parrokkjali tal-Marsa (Trinità Qaddisa) fejn fuq iz-zuntier tal-Knisja se titkanta għanja minn grupp ta’ immigranti, qabel tingħata l-barka sagramentali mill-Arċisqof.

Peress li fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa jgħixu numru ta’ mmigranti li jħaddnu twemmin differenti, qabel tibda l-Via Crucis se jsir mument ta’ talb mill-Arċisqof flimkien mal-Imam u r-Rettur tal-Kopti nsara, ġewwa ċ-Ċentru Miftuħ. Bħala ġest ta’ solidarjetà, l-Arċisqof se jippreżenta 500 qagħqa tal-appostli lill-immigranti residenti f’dan iċ-Ċentru.

Fost l-14-il stazzjon tal-Via Crucis, it-tielet stazzjon se jsir quddiem is-salib tal-Marsa, post ta’ devozzjoni marbut mal-ħajja ta’ San Ġorġ Preca. It-test tal-Via Crucis nkiteb minn Dun Alfred Vella, Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, li ta’ kuljum jiltaqa’ mar-realtajiet li jiffaċċjaw l-immigranti. Kull wieħed mill-istazzjonijiet jirrakkonta l-istorja ta’ refuġjat jew ta’ grupp ta’ refuġjati, u wara ssegwi riflessjoni ispirata minn din ir-realta’, u talba.

Il-Via Crucis hija organizzata minn Radju RTK flimkien mas-Segretarjat Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-attività tixxandar ‘live’ fuq Radju RTK (103 FM Stereo).

AGĦFAS HAWN biex tniżżel it-test tal-Via Sagra miktub minn Dun Alfred Vella.