L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il‑festa nazzjonali tal‑Vitorja hija festa kbira għalina l‑Maltin. Niċċelebrawha għada, it‑8 ta’ Settembru, il‑ġurnata li mad‑dinja kollha nfakkru t‑twelid ta’ Ommna Marija, u proprju għax din il‑ġurnata għandha rabta kbira mal‑Istorja ta’ pajjiżna. Dil‑ġurnata tissejjaħ il‑Vitorja għax tfakkarna fit‑tmiem tal‑Assedju l‑Kbir tal‑1565 u fit‑tmiem tal‑Assedju fit‑Tieni Gwerra Dinjija meta l‑Italja rtirat mill‑Gwerra tmenin sena ilu, fl‑1943. Kienu rebħiet kbar għalina, imma ma kinux biss ta’ ġid għalina imma wkoll għall‑Mediterran u għall‑Ewropa.
Hi Vitorja għax, għalina l‑Maltin, tfisser ir‑rebħa tal‑ħajja fuq il‑mewt. L‑istorja ta’ Malta turina li l‑Maltin snin ilu ħadmu bis‑sħiħ flimkien, bi tbatija kbira, biex jipproteġu l‑ħajja ta’ dawk li kienu residenti f’Malta. Għalhekk, hi ġurnata marbuta mill‑qrib mal‑għożża tal‑ħajja, u dan is‑sinifikat hu ikbar għax hu proprju fil‑festa tat‑twelid ta’ Marija, u għalhekk ta’ ħajja ġdida li rat id‑dawl għax kienet milqugħa bl‑imħabba. Kollox hu marbut mal‑ħajja.
Għażla b’konvinzjoni
Fil‑festa ta’ din is‑sena, aħna lkoll għandna nagħmlu mill‑ġdid għażla favur il‑ħajja, għażla frott ta’ konvinzjoni u għażla konsistenti li dejjem tmexxi d‑deċiżjonijiet li nagħmlu għall‑ġid ta’ pajjiżna f’tant oqsma differenti.
Din l‑għażla favur il‑ħajja għandha tkun għażla frott ta’ konvinzjoni, mhux għażla ta’ konvenjenza li nagħmluha meta nħossu li jaqbel u ma nagħmluhiex meta ma jaqblilniex, qisu bħal qasba tixxejjer mar‑riħ. Għandha tkun għażla konsistenti, li tibda mill‑bidu nett tal‑ħajja tal‑bniedem u tkompli sat‑tmiem tal‑ħajja, imma wkoll f’kull waqt tagħha.
Għażla konsistenti
Xi tfisser fil‑prattika għażla konsistenti li nipproteġu l‑ħajja?
Irridu nipproteġu l‑ħajja umana meta tibda, jiġifieri mit‑tnissil u meta għadha biss ftit ċelloli, dipendenti u vulnerabbli, imma ġa hemm ħajja. Minn hawn trid tibda din l‑għażla, għax l‑ugwaljanza titlob li wkoll min hu vulnerabbli u dipendenti, imma beda jgħix, ikollu l‑opportunità li jkompli jgħix u ma jkollux il‑ħajja tiegħu meqruda. X’sens ikollu d‑diskors fuq l‑ugwaljanza jekk naqtgħu barra lil min hu vulnerabbli u dipendenti?
X’sens ikollu d‑diskors fuq l‑ugwaljanza jekk naqtgħu barra lil min hu vulnerabbli u dipendenti?
Irridu nipproteġu l‑ħajja ta’ dawk li qed ifittxu l‑kenn u qegħdin f’nofs ta’ baħar, ta’ dawk li qed jgħajtu għall‑għajnuna u mingħajr l‑id tal‑għajnuna jispiċċaw mgħarrqa fil‑baħar Mediterran li, fi kliem il‑Papa Franġisku, sar ċimiterju. Meta nitkellmu fuq l‑ugwaljanza, fejn hi l‑ugwaljanza għal dik il‑persuna li qiegħda tegħreq f’nofs ta’ baħar u ħadd ma joffrilha l‑id li tgħinha ssalva? Il‑ħajja ta’ dawn in‑nies mhijiex inqas ta’ valur minn nies oħra. Dawn mhumiex oġġetti imma bnedmin li għandhom id‑dinjità tagħhom.
Irridu nipproteġu l‑ħajja billi nħarsu l‑ħolqien. Nafu li wieħed mill‑ikbar assedji f’pajjiżna huwa fejn jidħol l‑ambjent. Inħarsu fejn inħarsu, ikollna l‑konferma ta’ dan. Hawn min jaħseb li aktar ma nibnu, u aktar ma ngħollu, aktar qed nagħmlu progress. Il‑vera rebħa hi meta nagħrfu nipproteġu l‑ambjent mhux meta nirvinawh. Il‑ġenerazzjonijiet futuri għad jiddispjaċihom anke iktar minna, u jitolbu kont ta’ min għar‑regħba kien lest li jeqred l‑ambjent.
Irridu nipproteġu l‑ħajja billi nkomplu nwasslu messaġġ ċar li d‑droga tagħmel il‑ħsara, mhijiex mezz san ta’ rikreazzjoni. Min hu viċin in‑nies jaf l‑assedju li hawn fuq nies ta’ kull età biex huma jaqbdu t‑triq tal‑qerda ta’ saħħithom, speċjalment tas‑saħħa mentali tagħhom, u fl‑aħħar mill‑aħħar ta’ ħajjithom. Hawn ħafna vittmi. Min għandu r‑responsabbiltà tal‑qerda tal‑ħajja u tas‑saħħa ta’ dawn in‑nies għandu piż kbir x’iġorr.
Irridu niftakru li s‑saħħa tas‑soċjetà titqies mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa.
Irridu nipproteġu l‑ħajja bl‑għajnuna li nagħtu lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli u qed jikkontemplaw li jtemmu ħajjithom. Għandna diversi persuni vulnerabbli li qed jaraw il‑ħajja iebsa wisq biex jgħixuha. Il‑karba tagħhom kultant hija siekta. Jeħtieġu min jgħinhom jiskopru l‑valur tal‑ħajja tagħhom u jsostnihom fis‑saħħa mentali tagħhom. Irridu niftakru li s‑saħħa tas‑soċjetà titqies mill‑progress ta’ dawk l‑aktar dgħajfa. Lil min għaddej minn żmien diffiċli, l‑appell tiegħi qawwi hu: tiddejjaqx titlob għall‑għajnuna. Hawn ħafna li lesti jgħinuk.
Irridu nipproteġu l‑ħajja billi nħarsu l‑ħaddiema fuq il‑post tax‑xogħol tagħhom, u nieħdu l‑miżuri kollha neċessarji ħalli l‑ħaddiema jkollhom l‑assikurazzjoni li ħajjithom mhijiex fil‑periklu u ma jkomplix ikollna vittmi tat‑traskuraġni u tal‑indifferenza.
Għażla rebbieħa
Għalhekk, f’din is‑sena, tajjeb infakkru lilna nfusna li l‑vera Vitorja, il‑vera rebħa, tkun meta aħna nagħmlu din l‑għażla favur il‑ħajja, għażla li ħierġa minn konvinzjoni u għażla konsistenti. Il‑ħajja ta’ kull bniedem għandha dinjità u għandha valur. Hi prezzjuża. Nipproteġuha bis‑sħiħ, nirrispettaw id‑diversità tal‑ħajja, u naħdmu biex inħarsu d‑dinjità tagħha.
Il‑Vitorja turina wkoll li l‑vera rebħa ta’ pajjiżna hi meta nħaddnu l‑valuri li jibnu soċjetà li tgħożż il‑ħajja u d‑dinjità: l‑onestà, l‑integrità, il‑ġustizzja, is‑solidarjetà; u meta nagħrfu li l‑korruzzjoni, il‑frodi, l‑illegalità, l‑egoiżmu strutturat huma telliefa mhux rebbieħa.
Hi l‑festa li tfakkarna li s‑saħħa kollettiva tagħna l‑Maltin tinsab fl‑umanità tagħna ma’ xulxin.
Ommna Marija, li tagħha qed nagħmlu l‑festa llum u li hi tant preżenti fl‑istorja ta’ pajjiżna, tgħallimna ngħożżu l‑ħajja umana bl‑imħabba, bil‑kompassjoni, bil‑viċinanza. Marija turina kif naħdmu u nagħtu s‑servizz tagħna favur il‑ħajja u d‑dinjità ta’ kulħadd billi nagħżlu t‑triq tal‑umiltà mhux tal‑kburija. Kif tgħid Marija meta tfaħħar lill‑Mulej: “Xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom” (Lq 1:51).
Il‑festa tal‑Vitorja hi l‑festa tar‑rebħa tal‑Maltin. Hi l‑festa li tfakkarna li s‑saħħa kollettiva tagħna l‑Maltin tinsab fl‑umanità tagħna ma’ xulxin. Hi l‑festa li turina li r‑rebħa vera hi r‑rebħa tad‑don tal‑ħajja. Ejjew naħdmu flimkien biex inġeddu bis‑sħiħ l‑għażla tagħna favur il‑ħajja b’konvinzjoni u b’konsistenza.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju