priestly vocations

Evidenza minn studju li sar ma’ kandidati għall-ordinazzjoni saċerdotali dis-sena turi li l-vokazzjonijiet huma riżultat tal-kollaborazzjoni tal-kleru, tal-familji u  tal-poplu sħiħ ta’ Alla.

Il-konferenza episkopali Aemrikana irrappurtat fil-jiem li għaddew dwar il-proġett annwali ta’ riċerka ikkummisjonat minnha u mwettaq miċ-Ċentru tar-riċerka applikata fl-Appostolat fi ħdan l-Universita. Il-proġett kellu t-titlu “The Class of 2010: Survey of Ordinands to the Priesthood”.

Il-Kardinal Sean O’Malley ta’ Boston, Chairman tal-Kumitat għall-Kleru, il-Ħajja Kkonsagrata u l-Vokazzjonijiet fi ħdan l-istess Konferenza Episkopali qal li ħafna mill-ordinandi ilhom fit-twemmin kattoliku sa mit-twelid. Kompla li “erbgħa minn ħamsa jirrappurtaw li l-ġenituri tagħhom huma kattoliċi. Kważi tmienja minn għaxra qalu li kienu inkoraġġiti jikkunsidraw is-saċerdozju minn saċerdot. Dan jirrifletti l-irwol essenzjali tal-Knisja kollha kemm hi fis-sedqa tal-vokazzjonijiet”.

Il-kardinal osserva li tliet kwarti tal-klassi dis-sena irrappurtaw li fil-passat servew bħala abbatini, letturi u ministri straordinarji tat-tqarbin, fost oħrajn.

“Trend partikolari evidenti fl-istudju hi l-importanza tal-formazzjoni tul il-ħajja u t-tisħib fil-fidi kattolika”.

Mad-92% tal-irġiel qalu li kellhom xogħol full-time qabel daħlu fis-seminarju, bil-qasam edukattiv l-iktar wieħed li kien popolari fosthom.  Tlieta minn kull ħamsa mill-ordinandi kienu diġa lestew mill-istudji tagħhom fil-kulleġġ qabel daħlu s-seminarju, b’wieħed minn kull ħamsa kellu diġa degree universitarju.