Il-Caritas Malta għadha kemm ġeddet il-website tagħha biex tagħmilha eħfef għal min irid ifittex informazzjoni dwar is-servizzi li din tagħti u l-attivitajiet li torganizza. Il-website hija sponsorjata minn Abakus Solutions, kumpanija tas-software li ilha tagħti dan is-servizz lill-Caritas Malta minn meta din bdiet tuża website. Is-sit il-gdid jinstab fuq www.caritasmalta.org.
L-Abakus Solutions użaw l-aktar teknoloġija riċenti f’dan is-sit, li jagħti tagħrif dwar is-servizzi li l-Caritas Malta toffri bla ħlas lil persuni f’diffikultà. Dawn jinkudu Tama Ġdida – il-programmi għar-riabilitazzjoni mid-droga, Edukazzjoni Preventiva, Counselling u Ħidma Soċjali, id-Djakonija – għajnuna fil-livell tal-parroċċi lil nies fil-bżonn; HelpAge – servizzi għall-anzjani, Xefaq – servizz ta’ counselling għal persuni li jaħsbu li għaddew minn risjku ta’ nfezzjoni trażmessa sesswalment, u l-Fondazzjoni għall-Vittmi tal-Użura.
Il-pagni dwar Support Groups jagħtu nformazzjoni dwar Gamblers Anonymous, ir-Rose Group –għal romol jew persuni separati, it-Thursday Club – għal persuni b’diffikultà ta’ saħħa mentali, Emotions Anonymous u Alcoholics Anonymous.
Il-website il-gdid fih ukoll micro-site tal-Caritas Malta Epilepsy Association.
Kelliemi għall-Abakus Solutions qal li “minbarra li huwa unur, huwa dmir li l-Kumpanija tkun ta’ servizz għall-komunità. Aħna ngħinu lill-Caritas Malta b’impenn biex din tippromwovi s-servizzi tagħha fuq l-internat permezz ta’ l-aqwa għodod f’dan il-qasam li għandna.”
Kelliemi għall-Caritas Malta qal li s-sit il-gdid għandu jkun ta’ għajnuna kbira biex persuni fid-diffikultà jidentifikaw bla dewmien l-aktar servizz tal-Caritas addattat għas-sitwazzjoni tagħhom.