-
Il-Kummisjoni Djoċesana Tfal (KDT) stiednet lil-membri tal-Kunsill tat-tfal u l-familji tagħhom sabiex jiċċelebraw dan l-anniversarju u anke biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tat-Tfal. Din l-attivita saret nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru, 2009. L-Arċisqof Pawlu Cremona OP rringrazzja lil membri tal-KDT, membri tal-Kunsill tat-tfal u l-familji tagħhom tal-impenn li qed joffru sabiex din il-ħolma saret realta. L-Arċisqof heġġeg lit-tfal u lil dawk prezenti sabiex jgħixu ħajja b’valuri Kristjani u b’hekk iservu ta’ ezempju għal ħbieb tagħhom. Fisser kif dak hu l-aħjar mod li wieħed jista’ jwassal il-messaġġ ta’ Kristu. Il-viċi segretarju tal-Kunsill tat-tfal spjega li din il-website qed jieħdu hsiebha huma stess. Elena Xerri, li hi wkoll membru fil-Kunsill tat-tfal ippreżentat l-logo tal-KDT li pinġiet hi stess. Matthew Gellel u Claire Grima – president u segretarja tal-Kunsill tat-tfal – ippreżentaw rapport tas-sena ħidma. Elizabeth Pisani, delegata tal-Arċisqof tal-KDT semmiet li wara sena ta’ formazzjoni tal-Kummissjoni issa jmiss li l-KDT tiffoka l-energija tagħha fuq zewġ għanijiet: kif il-messaġġ tal-quddies jitwassal aktar fil-lingwa tat-tfal u li iktar parrocci ikollhom Kummissjoni tat-tfal fuq livel lokali. Hija wkoll irringrazzjat lil dawk prezenti għall-appoġġ kontinwu lejn il-KDT.
Artiklu miktub minn Elizabeth Pisani