L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

San Mark hu wieħed mill-erba’ evanġelisti. Kien il-kuġin ta’ San Barnaba, u fil-fatt narawh flimkien ma’ Barnaba u Pawlu f’wieħed mill-vjaġġi missjunarji tagħhom. Imbagħad kien hemm xi żmien li kien hemm nuqqas ta’ ftehim, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli Kapitlu 15, u spiċċa hu jmur ma’ Barnaba, u Pawl band’oħra. Imma iktar ’l quddiem naraw li jerġgħu flimkien. San Pawl fit-Tieni Ittra lil Timotju jgħidlu: “Ħu ’l Marku u ġibu miegħek għax hu jiswieli ħafna għall-ministeru” (2 Tim 4:11). Hemm din ir-rabta kbira fit-tħabbir tal-Evanġelju.

L-Evanġelju ta’ San Mark hu l-iqsar wieħed, imma aktarx li kien l-ewwel wieħed li nkiteb. L-Evanġelju ta’ San Mark fih ħafna episodji differenti, b’ċertu ritmu. Anke l-kelma stess “Evanġelju”, li tfisser “Aħbar it-Tajba”, f’San Mark insibuha ripetuta diversi drabi, għax hu kellu l-iskop li jwassal l-Aħbar it-Tajba speċjalment lil dawk li kienu ppersegwitati minħabba l-Aħbar it-Tajba. Għalhekk, biex jagħmlilhom il-qalb, jagħtihom kuraġġ, u fl-istess waqt jgħinhom biex ikomplu jwasslu l-Evanġelju.

Fl-Evanġelju tiegħu hemm ċerti karatteristiċi. Tajjeb li naraw xi ftit minn dawn li huma interessanti ħafna għalina li dejjem nisimgħu din il-Kelma, biex tista’ tgħinna f’ħajjitna. San Mark jenfasizza ħafna lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla. Fil-fatt, l-ewwel kelmiet tal-Evanġelju, l-ewwel vers, jgħid: “Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1). Hu ma jitkellimx fuq Ġesù żgħir, imma l-ewwel li jġib hu lil San Ġwanni l-Battista, li jħejji t-triq għall-Mulej. Imbagħad il-magħmudija ta’ Ġesù, fejn hemmhekk jinstema’ l-leħen tal-Missier li jgħid: “Int ibni l-għażiż, fik insib il-għaxqa tiegħi” (Mk 1:11). Jekk immorru lejn l-aħħar parti tal-Evanġelju ta’ San Mark, meta Ġesù kien fuq is-salib, hemmhekk għandna liċ-ċenturjun li jistqarr dan ukoll. Jgħid: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla” (Mk 15:39).

San Mark jenfasizza wkoll is-Saltna ta’ Alla – li Ġesù ġie biex iwassal is-Saltna ta’ Alla. Fil-fatt, l-ewwel kelmiet ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mark huma proprju hekk: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet: indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk 1:15). Għalhekk dak li jagħmel Ġesù hu proprju biex iwassal is-Saltna ta’ Alla. Insibuh f’San Mark ifejjaq, jagħmel ħafna mirakli, ikeċċi x-xjaten, jgħallem – hemm xi ħames parabboli li nsibuhom biss f’San Mark – biex iwassal din is-Saltna ta’ Alla. 

F’San Mark, għandna lil Ġesù miexi dejjem lejn il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Miexi lejn Ġerusalemm. Fil-fatt, Ġesù jgħin lid-dixxipli biex jagħrfu xi tfisser tkun dixxiplu tiegħu. F’San Mark, toħroġ ċara ħafna din, anke jekk fost dawn id-dixxipli tiegħu fl-aħħar imbagħad kien hemm min ittradih, min ċaħdu, u kważi kollha abbandunawh. Imma Ġesù jispjega xi tfisser tkun dixxiplu tiegħu. U fl-Evanġelju ta’ San Mark għandna tliet tħabbiriet li jagħmel Ġesù dwar minn xiex se jgħaddi, is-sofferenza li se jgħaddi minnha, biex isalva l-umanità. Hu jħabbar il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu fi tliet mumenti differenti. Fil-fatt juri, diġà minn qabel, li t-tbatija se twassal għall-glorja, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din ir-rebħa ta’ Alla bil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.

Illum qrajna l-għeluq tal-Evanġelju skont San Mark, fejn Ġesù jgħid lill-ħdax: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mk 16:15). Dik hija wkoll il-missjoni tagħna. Għalhekk illum nitolbu lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ San Mark, biex nilqgħu l-Evanġelju aħna l-ewwel nett, nagħrfu l-missjoni li għandna li nħabbru l-Evanġelju, u jagħtina l-grazzja li tassew bil-kelma u bix-xhieda ta’ ħajjitna nistgħu nwasslu l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju