Sakemm bħalissa l-Papa Benedittu XVI jinsab f’Castel Gandolfo fin-nofsinhar ta’ Ruma, li hi r-residenza tiegħu tas-Sajf, il-media diġa tefgħet għajnejha fuq il-programm ta’ attivitajiet li għandu diġa skedati quddiemu l-Kap tal-Knisja Kattolika fix-xhur li ġejjin sa tmiem is-sena. Qabel iħalli Castel Gandolfo fi tmiem ix-xahar id-dieħel għandu tliet avvenimenti importanti.

Sa dakinhar, saret il-laqgħa, appuntament annwali, tal-Papa mal-ex studenti tiegħu, fiż-żmien li hu kien Professur tat-Teoloġija f’Regensburg fil-Ġermanja. Fil-5 ta’ Settembru għandu żjara qasira fil-post fejn twieled Papa Ljun XIII, żjara segwita minn quddiesa preseduta appuntu biex tfakkar il-bi-ċentinarju mit-twelid ta’ Ljun XIII. L-ikbar avveniment, kif qed jitqies, ikun iż-żjara tal-Papa fir-Renju Unit li jkun jinkludi l-beatifikazzjoni tal-Kardinal John Henry Newman.

Issegwi ż-żjara f’Palermo fit-3 t’Ottubru b’quddiesa fil-beraħ u indirizz lill-familji u ż-żgħażagħ. Ġimgħa wara, il-Papa jiftaħ is-Sinodu speċjali tal-Isqfijiet dwar il-Lvant Nofsani, li se jsir bejn l-10 u l-24 t’Ottubru dwar il-“komunjoni u x-xiehda” fir-reġjun mifni bil-kunflitti, fejn in-numru tal-insara qed jonqos.

Ix-xahar ta’ wara mbagħad, il-Papa jembarka fuq il-ħames żjara ‘il barra mill-Italja dis-sena… jumejn fi Spanja. Fis-6 ta’ Novembru itir lejn Santiago de Compostela u l-għada jżur Barcellona fejn se jikkonsagra u jipproklama bażilika il-Knisja famuża tal-Belt, La Sagrada Familia. Il-Papa mbagħad jiċċena mal-Isqfijiet u jżur ukoll fondazzjoni ta’ persunib’diżabilita qabel jirritorna Ruma dakinhar filgħaxija.

Attivitajiet oħra żgur li se jkunu qed jingħataw attenzjoni partikolari fl-iskeda tal-Papa għax-xhur li jsegwu, fosthom il-possibilta tat-tielet Konċistorju, anki meta osservaturi qrib il-Vatikan ibassru lid an isir is-sena d-dieħla. Bħalissa huma 107 il-kardinali taħt 80 sena u li huma eliġibbli jivvutaw f’konklavi, li jfisser 13-il kardinal inqas mil-limitu stabbilit minn Papa Pawlu VI. Irid jingħad pero, li ftuħ is-sena 2011 se tara 19-il post vakat għal kardinali eletti.

ROME, (Zenit.org)