• Il-ġimgħa d-dieħla se jiġu mfakkra l-100 sena mill-ewwel dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima. Waqt dawn id-dehriet, li saru bejn Mejju u Ottubru tal-1917, il-Verġni Marija qasmet tliet sigrieti mat-tliet itfal ragħajja Lucia dos Santos u l-kuġini tagħha Francesco u Giacinta Marto.
     
    L-ewwel sigriet kien id-dehra tal-infern, immaġina li xxokkjat lit-tfal ċkejkna. Minn dakinhar, bdew jitolbu għall-konverżjoni tal-midinba. Għalkemm dik id-dehra damet biss ftit sekondi, kienet qawwija biżżejjed biex ma jinsewha qatt.  Lucia tiftakarha hekk: “Kien hemm xjatin u erwieħ f’baħar kbir ta’ nar […] biki ta’ uġigħ u krib ta’ disperazzjoni.”
     
    It-tieni sigriet kien profetiku. Lit-tliet ragħajja, il-Verġni Marija wissiethom li jekk il-bniedem mhux se jieqaf joffendi lill-Alla, se tibda t-Tieni Gwerra Dinjija. Ħabbret ukoll it-tkabbir tal-Komuniżmu u l-persekuzzjoni tal-Knisja u l-papa.
    Biex jiġi evitat dan il-ħażen kollu, il-Madonna talbet biex madwar id-dinja tibda d-devozzjoni lejn il-Qalb Immakulata ta’ Marija u biex il-papa stess jikkonsagraha fir-Russja, ħaġa li l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel f’Marzu tal-1984.
    It-tielet u l-aħħar sigriet ta’ Fatima kien jikkonsisti f’viżjoni oħra. Ir-ragħajja raw isqof liebes l-abjad, li skonthom hu l-papa, jinqatel flimkien ma’ reliġjużi, qassisin u persuni lajċi li ġejjin minn diversi klassijiet soċjali.
    Dan is-sigriet jista’ jiġi interpretat bħala l-persekuzzjoni li l-Knisja għaddiet minnha matul is-seklu 20, b’mod speċjali fi żmien il-Komuniżmu. F’din il-viżjoni, l-isqof liebes l-abjad ġie identifikat bħala l-Papa Ġwanni Pawlu II , meta seħħ l-attakk fuq ħajtu fi Pjazza San Pietru.
    Għalkemm is-sigrieti huma dwar ġrajjiet tal-passat, hemm xejra komuni fihom kollha: li jitolbu għal-konverżjoni tal-midinba, għaliex l-imġiba ħażina tagħhom hi l-kawża tal-ħażen fid-dinja.