L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Din is-silta qasira mill-Evanġelju skont San Luqa għandha messaġġ qawwi ħafna għal ħajjitna, mhux biss għal xi ċirkustanza partikulari imma għall-ħajja ordinarja tagħna.

Ġesù lid-dixxipli tiegħu qed jgħidilhom: “Tiġġudikawx… tikkundannawx”. Aħna nafu li fil-ħajja tagħna kultant niġġudikaw u nikkundannaw, u jiġrilna hekk għax ngħaddu l-ġudizzji tagħna fuq dak li jidher minn barra, jew dak li nkunu smajna fuq xi ħadd, jew l-impressjoni li jkollna, u dan faċli jwassalna għal ġudizzju tal-persuna, anke tal-qalb tal-persuna. Ġesù jgħidilna biex ma niġġudikawx u ma nikkundannawx. Għaliex? Għax aħna nafu l-affarijiet minn barra, il-persuna minn dak li naraw; ma nafux il-qalb u ma nistgħux naqraw il-moħħ u l-intenzjoni. Lanqas nistgħu nkunu nafu sewwa dil-persuna ma’ xiex qed tissielet fil-ħajja – diffikultajiet, problemi – forsi anke minn fejn ġejja, it-trobbija. Ma nafuhomx. Għalhekk diffiċli li l-ġudizzju tal-persuna, ta’ kif inhi quddiem Alla, ikun sħiħ, għax diffiċli nkunu nafu l-istorja kollha.

Imma Alla jrid li l-ġudizzju nħalluh f’idejh. U hemm raġuni għaliex. Għax Alla hu li jagħraf lill-bniedem b’mod sħiħ, sal-profondità tal-qalb, sa dak li għandu f’moħħu. Alla jagħraf in-naħa ta’ ġewwa, mhux dak li jidher biss minn barra. U għalhekk hu Alla li jista’ jagħmel ġudizzju korrett. Meta qalilna biex il-ġudizzju nħalluh f’idejh, għamlilna pjaċir għax ma għandniex dak it-toqol, u fl-istess waqt serrħilna moħħna li hu, Alla, jiġġudika b’mod korrett, b’mod tajjeb.

[Ġesù] mhux qed jgħid li fejn hu ħażin ma niġġudikawx, ma nikkundannawx; anzi hemmhekk hemm bżonn nieħdu l-passi kollha. Imma qed jgħid li fejn tidħol il-qalb tal-persuna quddiem Alla, il-ġudizzju tagħha nħalluh f’idejn Alla.

Xi jrid minna minflok il-ġudizzju u l-kundanna? Hawn Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom”. Irid minna kompassjoni, irid minna ħniena, bħalma hu jħenn għalina. Rajna llum fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Danjel, li Alla hu dak li jħenn Alla, jaħfrilna l-iżbalji tagħna, meta nerġgħu lura lejh. Lanqas joqgħod ifakkarhomlna, imma jaħfrilna u jħenn għalina. Kontinwament l-esperjenza tagħna hi tal-ħniena ta’ Alla. Hemm talba sabiħa ħafna li ġieli ngħidu fil-quddiesa: “O Alla int tagħtina l-aqwa xhieda tas-setgħa tiegħek bla tarf billi taħfrilna u tħenn għalina”. Dik hi li jagħmel Alla magħna, u dik hi li jrid minna wkoll, biex din tkun l-attitudni tagħna mal-oħrajn. Il-Papa Franġisku jsemmi ħafna din. Irid iwassal il-ħniena ta’ Alla, għalhekk aħna l-Isqfijiet fl-Ittra Pastorali tar-Randan sejjaħnielu “l-għannej tal-ħniena ta’ Alla”, u jrid jgħinna wkoll biex aħna nagħrfu kif ma’ xulxin għandu jkollna din il-ħniena u l-kompassjoni.

Tiġina din il-mistoqsija: meta Ġesù jgħid “Tiġġudikawx… tikkundannawx”, dan ifisser li tara dak li hu ħażin, il-ħażen, u tgħid “ma niġġudikax, ma nikkundannax”? Ifisser li dak li hu ħażin tħallih għaddej? Xejn minn dan! Ġesù ma għamilx hekk, Ġesù ma jridx hekk, għax għamel dejjem id-distinzjoni bejn il-persuna, il-qalb tagħha, kif inhi quddiem Alla – dak jarah Alla – u l-azzjonijiet tagħha li, jekk huma ħżiena, wieħed irid jikkundannahom u jieħu passi fuqhom. Ħu pereżempju bħalissa, il-gwerra li hemm fl-Ukrajna; l-invażjoni li ħalliet vittmi, familji sħaħ, eluf li jridu jitilqu minn hemm, ħerba, distruzzjoni li qed tħalli tant tbatija. Ma tistax tħares lejn dak li qed jiġri u tgħid “jien ma niġġudikax”. Ma tiġġudikax? Jekk dak li qed jiġri hu terribbli, għandu jkollu l-kundanna qawwija ta’ kull min għandu rispett għall-ħajja u d-dinjità tal-persuna. L-istess, jekk jien inkun responsabbli tal-persuni f’aġenzija jew istituzzjoni, u naf li xi ħadd qiegħed jisraq, jew qed jagħmel prattika korrotta, jien ma nistax ngħid “ma niġġudikax”, jew nagħlaq għajnejja u  ngħid “kulħadd ħalliel illum”, u ma niħux passi, għax inkun kompliċi. Fejn hemm azzjoni ħażina, irrid niġġudikaha, u rrid nieħu passi. Għalhekk id-distinzjoni li għamel Ġesù. Mhux qed jgħid li fejn hu ħażin ma niġġudikawx, ma nikkundannawx; anzi hemmhekk hemm bżonn nieħdu l-passi kollha. Imma qed jgħid li fejn tidħol il-qalb tal-persuna quddiem Alla, il-ġudizzju tagħha nħalluh f’idejn Alla.

Nitolbu li filwaqt li naħdmu favur it-tajjeb u kontra dak li hu ħażin, b’kundanna u ġudizzju għal dak li hu ħażin, imma l-ġudizzju tal-persuna quddiem Alla nħalluh f’idejn Alla, u nitolbu biex lilna jagħtina ħafna ħniena u kompassjoni fil-mod kif nittrattaw lil xulxin, bħalma hu jittratta lilna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju