L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bħal-lum dejjem nisimgħu din il-lista ta’ ismijiet li jwasslu minn Abraham sa Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija. Nistgħu nistaqsu: imma għaliex fil-festa solenni tat-twelid ta’ Marija naqraw l-arblu tar-razza ta’ Ġużeppi? “Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Krisu, bin David, bin Abraham” (Mt 1:1). Dan hu t-titlu li l-Evanġelista San Mattew jagħti lil din il-lista ta’ ismijiet, ismijiet li għalina huma strambi.

Nistgħu ngħidu li hemm ħsieb li jista’ jolqotna propju f’dan il-jum meta nifhmu li t-twelid ta’ Ġesù minn Marija u anke t-twelid tagħha, hemm tradizzjoni li tgħid li anke hi kienet min-nisel ta’ David, għandha l-għeruq tiegħu. Fil-fatt illum fit-talb tal-Knisja nsellmu lil Marija b’dan it-titlu sabiħ ta’ ‘għerq’ – radices – mhux qerq, l-għeruq.

Aħna llum niċċelebraw l-għeruq ta’ dan l-avveniment straordinarju li hu l-Iben t’Alla magħmul bniedem minn mara, li l-mara kien jisimha Marija. It-twelid ta’ din il-mara għalina hu mument ta’ ferħ għax bit-twelid tal-omm diġà qed naraw it-twelid, il-miġja tal-Iben. Bħalma nifirħu fil-festa solenni tat-tnissil tagħha mingħajr ebda tebgħa tad-dnub, disa’ xhur wara niltaqgħu biex niċċelebraw it-twelid tagħha mill-ġenituri tagħha Anna u Ġwakkin.

Peress li dan il-jum fl-istorja ta’ pajjiżna ħa sinifikat profond tant li nsejħulu ‘Jum il-Vittorja’, il-Vitorja, tajjeb li llum ukoll nieqfu biex nirringrazzjaw lil Alla talli ħlisnieha tajjeb kemm fl-1565 kif ukoll fl-1943. Imma dan xi jfisser, apparti r-riflessjoni fuq sfond internazzjonali li xtaqt naqsam mal-awtoritajiet tagħna lbieraħ fil-belt Vittoriosa – il-Birgu, waqt il-pontifikal statali, li aħna nieqfu biex napprezzaw dawn iż-żewġ mumenti fl-istorja ta’ pajjiżna?

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jgħabbuna wkoll bir-responsabbiltà mhux biss jimlew il-qalb tagħna bil-ferħ

L-ewwel wieħed hu dak li kkonfermana fil-patrimonju Nisrani tagħna. L-għażla kienet bejn li l-Gżejjer Maltin jibqgħu taħt l-isfera tal-kultura Nisranija jew isiru possediment – xi ħaġa li kienet ġrat ukoll fl-istorja tagħna għall-perjodu twil fis-seklu 9 u 10, u jerġgħu jsiru parti mill-ambjent Mislem. Dik kienet il-ġlieda kbira, mhux biss strateġika u politika, imma anke reliġjuża li tqabdet mhux ’il bogħod minn hawn fl-1565.

Irridu allura napprezzaw x’qed niċċelebraw għax dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jgħabbuna wkoll bir-responsabbiltà mhux biss jimlew il-qalb tagħna bil-ferħ. Imma aħna kellna x-xorti, minħabba l-preżenza tal-Ordni Sovran tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi, imbagħad ta’ Malta, li jkollna minn jiddefendina, min jattira l-għajnuna li ġiet minn Sqallija fis-7 ta’ Settembru 1565 u li l-popolazzjoni żgħira tagħna ħelisha mill-jasar. B’xorti ħażina ma ġarax l-istess fl-1651 fil-gżira ta’ Għawdex għaddiet mit-trawma ta’ popolazzjoni sħiħa li ttieħdet skjava mill-Ottomani. Din it-trawma m’għaddietx minnha Malta u l-Maltin, imma assigurat perjodu straordinarjament sabiħ mhux mingħajr dellijiet jew difetti, imma li mmarka u ta patrimonju partikulari ħafna lill-gżejjer tagħna.

Illum qegħdin niċċelebraw dan il-mument fl-istorja tagħna, mument deċiżiv li mhix kwistjoni biss ta’ rebħa strateġika li l-Ewropa Nisranija rrikonoxxiet anke f’dak kollu li ngħatat bħala rikonoxximent lill-Gran Mastru Jean Parisot de Valette. Imma bil-fatt li fuq dawn il-gżejjer anke bl-insistenza ftit xhur wara tal-Papa l-ġdid San Piju V, il-kavallieri ddeċidew jibqgħu hawnhekk u bdew jibnu din il-belt li hi monument tal-permanenza tagħhom.

Il-mument tat-8 ta’ Settembru mhux biss jimmarka xi ħaġa fil-passat, imma wkoll jikkonferma l-identità tagħna u r-responsabbiltà tagħna, li m’għandniex nitilfuha.

Fl-1943, bid-deċiżjoni tal-flotta navali Taljana li ċċedi lill-alleati propju fil-Port il-Kbir bħal-lum it-8 ta’ Settembru, aħna l-Maltin spiċċa l-kapitlu tat-tieni Gwerra Dinjija li wassalna għall-ġuħ fl-1942. Aħna salvajna minn din it-traġedja totali tal-mewt minħabba l-ġuħ grazzi għall-Konvoj ta’ Santa Marija, mument ieħor kbir fil-konvinzjoni popolari, devozzjonali ta’ fidi tal-poplu tagħna tal-interċessjoni tal-Madonna.

Sena wara, fit-8 ta’ Settembru f’għeluq snin il-Madonna, għalina kienet spiċċat il-gwerra u allura kienet spiċċat ukoll it-trawma tal-periklu li nsiru parti mid-dinja Nażi faxxista u allura wkoll nitilfu d-dritt tal-awtodeterminazzjoni tagħna, li wasal fl-1964.

Illum nixtieq infakkar xi ħaġa li ma tantx tissemma: li l-Maltin fl-1964 xtaqu li l-Indipendenza ta’ Malta tingħata fit-8 ta’ Settembru. Dik kienet it-talba tal-Maltin imma l-Brittaniċi kellhom ħsieb ieħor. Ġagħluna nistennew ftit jiem oħra u l-letters patent ħarġu fil-21 ta’ Settembru. Imma l-idea tal-Maltin, li l-mument tat-8 ta’ Settembru mhux biss jimmarka xi ħaġa fil-passat, imma jikkonferma wkoll l-identità tagħna u r-responsabbiltà tagħna, li m’għandniex nitilfuha.

X’qed nagħmlu b’dan il-patrimonju kemm kulturali, spiritwali u anke arkitettoniku? Inti tixref minn dawn il-ħitan maestużi tal-konkatidral u tħares lejn il-Belt, lejn il-portijiet u tara armonija ta’ arkitettura. Imbagħad tilmaħ ftit ’il bogħod u tara x’għamilna aħna, x’qed nibnu aħna, meta għandna rajna f’idejna. Ir-risposta nħalliha f’idejn il-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
L-Evanġelju: Mt 1:1-16,18-23

Aktar ritratti