-
In‑numru ta’ żwiġijiet bil‑Knisja fis‑sena 2018 kien ta’ 1,192. Din iċ‑ċifra tinkludi 62 żwieġ f’Malta li ġie konvalidat u li ma jiġux inklużi fit‑total ta’ żwiġijiet bil‑Knisja mogħtija fil‑Parlament. Żwieġ konvalidat ifisser żwieġ ta’ koppji li kienu żżewġu ċivilment biss u li aktar tard għażlu li jiżżewġu wkoll bil‑Knisja. Dan it‑total ma jinkludix iż‑żwiġijiet bil‑Knisja li saru f’Għawdex.
It‑total ta’ żwiġijiet bil‑Knisja bejn koppji barranin kien ta’ 73 koppja. Jekk wieħed inaqqas iż‑żwiġijiet bejn koppji barranin, in‑numru ta’ żwiġijiet bil‑Knisja bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 1,119.
In‑numru ta’ żwiġijiet ċivili fis‑sena 2018 kien ta’ 1,423[1]. Dan jinkludi: żwiġijiet bejn mara u raġel, żwiġijiet bejn koppji tal‑istess sess[2], żwiġijiet bejn koppji li żżewġu t‑tieni darba u żwiġijiet bejn koppji barranin.
It‑total ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji barranin kien ta’ 850[3]. Jekk wieħed inaqqas iż‑żwiġijiet bejn koppji barranin, in‑numru ta’ żwiġijiet ċivili bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija, kien ta’ 573.
Għalhekk, it‑total ta’ żwiġijiet (ċivili u bil‑Knisja) f’Malta fl‑2018 kien ta’ 2,614 u li t‑total ta’ żwiġijiet bejn koppji Maltin u bejn koppji li parti minnhom kienet Maltija kien ta’ 1,692.
L‑istatistika għall‑2018 turi wkoll li mit‑total ta’ żwiġijiet f’Malta bejn koppji Maltin ma’ Maltin, u Maltin ma’ barranin, 66% (ekwivalenti għal 1,119) għażlu żwieġ bil‑Knisja, u 34% (ekwivalenti għal 573) iżżewġu biċ‑ċivil. Dan ifisser li żewġ terzi taż‑żwiġijiet li saru bejn koppji Maltin u bejn koppji Maltin ma’ barranin huma żwiġijiet bil‑Knisja.
[1] Sors: PQ 8458 – Imwieġba fis‑seduta 188 fit‑28 ta’ Jannar 2019.
[2] Skont l‑informazzjoni mogħtija fil‑Parlament (PQ 8399), peress li mill‑1 ta’ Settembru 2017 ġiet fis‑seħħ il‑Liġi tal‑Ugwaljanza fiż‑Żwieġ, fir‑Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika dwar il‑ġeneru.
[3] Sors: Reġistru Pubbliku.
-
-
-