Il-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, il-Kardinal Fernando Filoni, wasal fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali għal żjara pastorali ta’ ġimgħa, li fost ħafna attivitajiet żgur li se tibqa’ mfakkra għall-ordinazzjoni episkopali ta’ erba’ Isqfijiet ġodda. Din se tkun preseduta mill-Kardinal Filoni nhar il-Ħadd 22 ta’ Lulju, bl-Isqfijiet eletti li ngħataw il-kariga mill-Papa Benedittu XVI jkunu Mons Dieudonné Nzapalainga, Arċisqof ta’ Bangui, Mons Nestor-Désiré Nongo Aziabgia, Isqof ta’ Bossangoa, Mons Dennis Abgenyadzi, Isqof ta’ Berberati, u Mons Cyr-Nestor Yapaupa, Isqof f’Alindao.
Iż-żjara pastorali ta’ Filoni se tkun karatterizzata minn diversi laqgħat, mal-Isqfijiet u Viġarji Ġenerali, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u delegati lajċi. Nhar il-Ġimgħa l-Kardinal Filoni se jiltaqa’ f’udjenza mal-Kap tal-iStat. Il-Kardinal se jżur ukoll orfanatrofji u parroċċi f’Bangui.
Nhar is-26 ta’ Lulju mistenni li jirritorna Ruma.
Skont l-aħħar statistika miġbura fil-ktieb annwali tal-Knisja, ir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali mifruxa fuq kważi 623 kilometru kwadru, jingħad li għandha popolazzjoni ta’ 4.3 miljun persuna, li minnhom 1.3 miljun huma kattoliċi. Id-distretti ekkleżjastiċi jinġabru f’ 9,116-il parroċċa, 10 stazzjonijiet missjunarji b’saċerdot resident u 1,615 mingħajr saċerdot fiss.
Hemm 1-il Isqof, 192 saċerdot djoċesan u 125 reliġjuż, 23 reliġjuż li mhumiex saċerdoti, 354reliġjuża, 13-il membru ta’ istituti sekulari tan-nisa, 26 missjunarji lajċi u 4,199 katekist. Is-seminarsti djoċesani minuri jammontaw għal 222, b’124 oħra fil-ħajja reliġjuża. Is-seminarsti djoċesani maġġuri jammontaw għal 156, bi 62 fil-ħajja reliġjuża.
Il-Knisja tmexxi 106 skejjel kindergarten, 148 skola elimentari u 23 skola sekondarja, dan minbarra 114-il istitut ta’ karita, 12-il sptar, 35 dispenserija, 8 ċentri tal-anzjani u persuni b’diżabilita, 4 orfanatrofji u 23 ċentru ta’ rijabilitazzjoni.