Wara ġimgħa ta’ konvalexxenza, l-Arċisqof Pawlu Cremona kompla bl-impenji tiegħu bi Żjara Pastorali fil-Mellieħa. Fost diversi attivitajiet li se jkomplu matul din il-ġimgħa, nhar il-Ħadd 18 ta’ Ottubru l-Arċisqof iċċelebra Quddiesa fil-Knisja ta’ Selmun fejn wara ltaqa’ man-nies preżenti. Aktar tard filgħodu, l-Arċisqof ltaqa’ mal-membri tas-Soċjeta Ċivili f’laqgħa li saret fiċ-Ċentru Parrokkjali.
Iż-Żjarat Pastorali bdew f’Jannar ta’ din is-sena. Minn Jannar sa Lulju, l-Arċisqof żar 14-il parroċċa. Wara l-waqfa tas-sajf, iż-Żjarat Pastorali qed ikomplu bi żjarat f’7 parroċċi oħra sa Diċembru. Il-Pjan Pastorali tal-Knisja f’Malta għas-snin 2009 – 2011 jgħid li matul dawn it-tliet snin, l-Arċisqof se jżur il-parti l-kbira tal-parroċċi f’Malta. Il-mira hi li ż-Żjarat Pastorali fil-parroċċi kollha jkunu mifruxa fuq mhux aktar minn ħames snin.
Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof fil-Mellieħa li qed jidhru fuq din il-paġna u ħafna oħrajn jistgħu jinkisbu mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]