L-Erbgħa 19 ta’ Ġunju 2013, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. laqa’ lil Fr Martin O’Hagan, Fr Eugene O’Hagan u Fr David Delargy, tlett saċerdoti Kattoliċi u tenuri Irlandizi magħrufa bħala ‘The Priests’, fi żjara ta’ korteżija fil-Kurja tal-Arċisqof.

Fil-11.30 a.m. il-media kellha l-opportunità tintervista lit-tenuri dwar is-suċċess mużikali tagħhom u l-mod kif jużaw it-talent tal-kant biex iwasslu messaġġ ta’ tama u paċi madwar id-dinja. It-trio ta’ tenuri Irlandizi ilhom ikantaw flimkien mis-snin sebgħin, meta kienu għadhom studenti f’kulleġġ Irlandiz. Fl-2008 ħarġu l-ewwel album bl-isem ‘The Priests’ li jinbiegħ f’aktar minn tletin pajjiż u sal-lum inbiegħu aktar minn miljun kopja fl-Irlanda biss. Huma rrekordjaw żewġ albums oħra li wkoll kisbu suċċessi kbar u numru ta’ awards. ‘The Priests’ jistqarru li l-prijorità tagħhom tibqa dejjem il-ministeru tas-saċerdozju u l-ħidma pastorali li jwettqu fil-parroċċi.

Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju, ‘The Priests’ ser jagħtu kunċert ‘live’ fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, bis-sehem tas-soprano Maltija Gillian Zammit u orkesta ffurmata minn disa’ mużiċisti Maltin. Il-biljetti għal dan il-kunċert huma mibjugħa kollha.

Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]