L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna żar l‑aħħar xogħlijiet li qed isiru fiċ‑ċentru terapewtiku Tal‑Ibwar fis‑Siġġiewi, li se jgħin adolexxenti li għaddejjin minn problema ta’ abbuż ta’ droga. Dan se jitmexxa mill‑Knisja permezz ta’ Caritas Malta filwaqt li ċ‑ċentru u l‑operat se jiġi ffinanzjat mill‑Gvern.
L‑għan ewlieni taċ‑ċentru huwa li jgħin lill‑adolexxenti li bdew imissu mad‑droga billi jipprovdi programm residenzjali għal 14‑il persuna, u servizzi ta’ matul il‑jum ta’ rijabilitazzjoni mid‑droga. Ir‑residenti se jiġu wkoll mgħallma suġġetti bħall‑agrikoltura, il‑media, ix‑xogħol tal‑injam, il‑fuħħar, u l‑isport. Suġġetti bħall‑matematika, il‑Malti, u l‑Ingliż se jiġu mgħallma b’mod applikat fis‑suġġetti preċedenti.
Wara li ltaqa’ mal‑ħaddiema li għaddejjin bl‑aħħar ħidma f’Tal‑Ibwar, l‑Arċisqof Scicluna appella lill‑Istat, li qed jinvesti eluf ta’ flus f’dan is‑servizz, sabiex jifhem il‑konsegwenzi tad‑deċiżjoni bir‑riforma tal‑liġi proposta dwar l‑użu tal‑kannabis. Huwa ħeġġeġ ukoll lil kull min għandu l‑problema tad‑droga sabiex ma jiddejjaqx jikkuntattja lil Caritas għall‑għajnuna.
Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li s‑sena li għaddiet Caritas għenet madwar 800 persuna li 25% minnhom kellhom problema bil‑kannabis. Spjega li minbarra l‑adolexxenti, f’dan iċ‑ċentru l‑ġdid se jiġu megħjuna wkoll il‑qraba tagħhom. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu l‑kontribut tagħhom biex Tal‑Ibwar jiftaħ fix‑xhur li ġejjin fosthom konsultenti, kuntratturi, periti u ħaddiema, u l‑membri tal‑bord tad‑diretturi, management u staff ta’ Caritas fi ħdan il‑Knisja.
Il‑President Emeritu, Dr George Abela, li hu membru tal‑bord u project leader tal‑bini taċ‑ċentru Tal‑Ibwar spjega kif l‑adolexxenti se jingħataw l‑għajnuna meta jkunu għadhom fil‑bidu tal‑problema tad‑droga u b’hekk tiġi evitata ħsara akbar. Dr Abela saħaq li dan iċ‑ċentru terapewtiku se jimla l‑vojt li hawn bħalissa f’pajjiżna għaliex fil‑preżent l‑adolexxenti u l‑adulti qed jingħataw l‑għajnuna flimkien.
Kull min jixtieq l‑għajnuna ta’ Caritas Malta jista’ jċempel fuq 21331000 jew iżur il‑website caritasmalta.org.