Għada l‑Erbgħa, 22 ta’ Frar 2023, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

L Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra l‑quddiesa ta’ Ras ir‑Randan fil‑Knisja tal‑Immakulata Kunċizzjoni (Sarria) fil‑Furjana, li tinkludi t‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied. Il‑quddiesa tibda fid‑9:30am u tixxandar fuq TVM, Knisja.mt, Newsbook.com.mt u Radju 103.

Fil‑messaġġ tiegħu għar‑Randan ta’ din is‑sena, il‑Papa Franġisku jistieden lill‑Kattoliċi sabiex ma jistkennux “f’reliġjożità magħmula minn ġrajjiet straordinarji, minn esperjenzi suġġestivi”, għax jibżgħu jaffrontaw ir‑realtà bit‑taħbit tagħha ta’ kuljum, bl‑iebes u l‑qares tagħha. “Id‑dawl li Ġesù juri lid‑dixxipli tiegħu jantiċipa l‑glorja tal‑Għid, u lejn din irridu nimxu, billi nimxu ‘warajh waħdu’. Ir‑Randan hu orjentat lejn l‑Għid. Iħejjina biex ngħixu b’fidi, tama u mħabba l‑passjoni u s‑salib, biex naslu għall‑qawmien.”

Matul iż‑żmien tar‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti u jattendu l‑eżerċizzi spiritwali. Din is‑sena l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, flimkien mas‑Segretarjat Parroċċi, ħejjiet il‑website https://hinijiet.knisja.mt/ li fiha tinkludi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet marbuta mar‑Randan. Din tinkludi l‑ġranet u l‑ħinijiet tal‑eżerċizzi spiritwali kif ukoll attivitajiet marbuta mal‑Ġimgħa Mqaddsa fil‑parroċċi f’Malta. Din il‑website tibqa’ tiġi aġġornata matul ir‑Randan.

F’dan iż‑żmien wieħed jista’ jaċċessa wkoll soter.knisja.mt li tinkludi talb oriġinali u tradizzjonali li jkellem lir‑realtà Maltija kontemporanja. It‑talb jinkludi ħames kollezzjonijiet ta’ pitturi, magħmulin apposta minn artisti Maltin sabiex jakkumpanjaw it‑talb, ħalli jfakkruna fid‑dawl tal‑Evanġelju li jilma fuq il‑gżejjer tagħna, kif fakkarna l‑Papa Franġisku fiż‑Żjara Appostolika tas‑sena li għaddiet.