L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: “Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok… minħabba fik jithenna b’hena kbira, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ, bħallikieku f’jum ta’ festa” (Sof 3:16-18). Għażiż Monsinjur Louis, Prepostu ġdid ta’ din il-parroċċa għażiża, wassal dan il-messaġġ lil poplu għażiż ta’ Birkirkara: “Tibżax, tħallix idejk jintelqu: il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok” (Sof 3:16-17). Għax il-Mulej minħabba fina jithenna b’hena kbira, u fi mħabbtu jġeddidna. Kemm hi sabiħa din il-profezija tal-Profeta Sofonija – il-Mulej fi mħabbtu jġeddidna; il-Mulej minħabba fina jinfexx f’għajjat ta’ ferħ, bħallikieku f’jum ta’ festa.

Il-Profeta mhux qed jitkellem fuq il-ferħ tagħna, imma qed jitkellem l-ewwel nett fuq il-ferħ tal-Mulej, li jġeddidna bl-imħabba tiegħu. Għażiż Prepostu Arċipriet, trid tkun messaġġier, ta’ din l-imħabba li ġedded, ta’ dan il-ferħ tal-Mulej. Għaliex il-ferħ li niċċelebraw f’dan it-Tielet Ħadd tal-Avvent, anke b’kulur il-warda roża, hu ferħ li ġej minn Alla. Hu don tal-Mulej u tal-Ħniena Tiegħu.

“Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, Iżrael, semma’ leħnek! Infexx fl-hena, ifraħ b’qalbek kollha, bin Ġerusalemm! Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik, keċċa l-għedewwa tiegħek.” (Sof 3:14-15). Qed nistennew il-festa l-kbira tas-salvazzjoni tagħna, tal-ħelsien tagħna mid-dlam għax il-Milied hi wkoll festa ta’ dawl; għalhekk fid-djar tagħna, fit-toroq tagħna, nagħmlu mixgħela. Nixgħelu fid-dlam tal-ħarifa u tax-xitwa; d-dawl jagħti tama, jagħti ferħ. Il-ferħ ta’ qalbna hu r-rifless tal-imħabba tal-Mulej li ġeddidna.

Hekk ukoll jgħidilna l-Appostlu Missierna, meta jistedinna nifirħu: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil 4:4). X’xhieda rridu nagħtu ta’ dan il-ferħ? “Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha” (Fil 4:5). Il-ħlewwa, il-maħfra, il-mogħdrija, il-manswetudni. Għażiż Arċipriet, u intom membri tal-Kapitlu, saċerdoti li tikkoperaw fil-pastorali ta’ din il-paroċċa, hekk kbira u antika; kunu kooperaturi, promoturi tal-ferħ tal-poplu t’Alla. Hi espressjoni, li juża l-Appostlu Missierna: Coperatores gaudi esti – aħna kooperaturi tal-ferħ tagħkom. Meta ngħaddu mit-triq, mhux tieħdu qatgħa rridukom, jew tagħmlu salib fuq żaqqkom; imma rridukom tgħidu: ‘Ġej ir-Ragħaj’. Ir-ragħaj midneb, dgħajjef imma ragħaj f’isem il-Mulej, li hu jipprietka l-ħniena. Jaf, li l-ewwel wieħed li għandu bżonnha, huwa hu. Sant’Elena fuq il-pedestall, mhux il-Prepostu jew l-Isqof. Aħna jistgħu jagħtuna xi żewġ tarġiet biex nidhru naqra iżjed; imma quddiem Alla kulħadd l-istess, kulħadd midjun mal-ħniena tal-Mulej.

Għażiż Prepostu Arċipriet, trid tkun messaġġier, ta’ din l-imħabba li ġedded, ta’ dan il-ferħ tal-Mulej

Meta lil Ġwanni l-Battista staqsewh: “Mela x’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10) X’għandna nagħmlu biex ngħixu sewwa? Ma vvintax affarijiet straordinarji. “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess” (Lq 3:11), jaqsam ma’ min ma għandu xejn.

Smajtuha l-antifona li tant hi għal qalbna. Mhux hekk għamlet Santa Liena. Fl-antifona ta’ Vincenzo Bugeja, sa fejn naf jien; infakkru lil din il-mara li nqimu patruna ta’ din il-parroċċa, omm l-Imperatur Kostantino, li għaddiet mill-umiljazzjoni għall-glorja; kienet taf ukoll tkun bniedma ta’ ospitalità kbira. L-antifona tagħha tfakkarna li fetħet idha mal-fqir – ‘manum suam aperuit inopi’. ‘Palmas suas extendit ad pauperem’ – ‘middet idejha lejn l-imsejken’. ‘Et panem otiosa non comedit’ – ‘u l-ħobż ma kellux li ma tagħmel xejn’. Kienet mara bieżla. Dan jgħodd mhux biss għal Sant’Elena, qaddisa li nqimu, imma għal kull wieħed u kull waħda minna.

Allura inti Arċipriet, idejk trid tkun miftuħa, mhux biss għall-fqar tal-parroċċa, mhux biss quddiem il-faqar materjali, jekk ikun hemm u kull fejn issibu; imma għall-faqar ta’ min hu għatxan għall-ħniena t’Alla, għall-imħabba tiegħu, għat-tenerezza tal-Mulej; għat-tgħanniqa safja tar-Ragħaj it-tajjeb.

Il-ferħ ta’ qalbna hu r-rifless tal-imħabba tal-Mulej li ġeddidna.

Nawguralek ħafna fil-bidu ta’ din il-missjoni tiegħek. Nitlobkom ukoll li titolbu għalina, saċerdoti, isqfijiet; imma aħna wkoll inwegħdukom it-talb tagħna. Ilkoll ngħaddu minn mumenti ta’ dlam; ilkoll ngħaddu minn mumenti ta’ dgħufija; imma l-Mulej illum, iħaddanna miegħu u jġeddidna fi mħabbtu. Nitolbuh biex jgħammidna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li hu nar fil-qalb tagħna; li jħeġġiġna għat-tajjeb.  

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 3:14-18a
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: Fil 4:4-7
L-Evanġelju: Lq 3:10-18