• 
  • Fl‑okkażjoni tal‑festa ta’ San Kalċidonju, il‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana qed tiftaħ il‑bibien tagħha għall‑pubbliku nhar is‑Sibt 20 u l‑Ħadd 21 ta’ Lulju 2019. Il‑pubbliku hu mistieden iżur il‑bini tal‑Kurja li kien magħruf bħala Casa Manresa, u jara x‑xogħol ta’ restawr li qed isir.

    Il‑viżitaturi ser ikunu jistgħu jammiraw l‑arkitettura Barokka u jaraw id‑diversi opri tal‑arti li jinsabu fis‑sala tar‑refettorju, fil‑kurituri, fis‑sagristija u fil‑kappella ddedikata lill‑Madonna ta’ Manresa fejn hemm ir‑relikwi ta’ San Kalċidonju. Ser isiru taħdidiet informattivi dwar l‑istorja tal‑Kurja tal‑Arċisqof, il‑pitturi li qed jiġu rrestawrati, u dwar il‑ħidma pastorali u amministrattiva tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.

    Matul dawn il‑jumejn ser jittellgħu wkoll kunċerti fil‑bitħa ċentrali, waqt li fis‑sagristija ser tittella’ l‑wirja ‘Fragments of Faith’ b’dokumenti mill‑Arkivju Djoċesan li jmorru lura għas‑seklu 16. Fl‑ewwel sular il‑viżitaturi jistgħu jaraw il‑wirja ‘Sacrifice of the Lambs’, 15‑il pittura tal‑artist Joseph Calleja. Min jattendi jista’ jieħu sehem f’treasure hunt marbuta mal‑istorja, mal‑bini u mal‑pitturi tal‑Kurja.

    Oriġinarjament magħrufa bħala Casa della Madonna di Manresa, il‑Kurja tal‑Arċisqof, hi parti integrali mill‑istorja reliġjuża u soċjali ta’ Malta. Inbniet mill‑Ġiżwiti f’nofs is‑seklu 18 bħala dar għall‑irtiri u baqgħet tintuża mill‑patrijiet għal sbatax‑il sena. Meta l‑Ġiżwiti rritornaw Malta fl‑1860, Casa Manresa kienet tintuża bħala l‑kurja provinċjali tal‑Provinċja ta’ Sqallija għal seba’ snin. Huma baqgħu jużaw din il‑binja sal‑1918. Mill‑1858 sal‑1910 u mill‑1921 sal‑1977 serviet bħala s‑seminarju djoċesan. Attwalment il‑Kurja tal‑Arċisqof tintuża għall‑amministrazzjoni ċentrali tal‑Arċidjoċesi.

    Casa Manresa ser tkun miftuħa għall-pubbliku s‑Sibt 20 ta’ Lulju bejn il‑5pm u d‑9pm, u l‑Ħadd 21 ta’ Lulju bejn id‑9am u s‑1pm. Is‑Sibt fis‑7pm u l‑Ħadd fl‑10am ser tiġi ċċelebrata quddiesa fil‑kappella tal‑Madonna ta’ Manresa. Il‑programm tal‑Open Weekend, b’attivitajiet kull siegħa, ser ikun disponibbli online fuq il‑website www.knisja.mt.

    Id‑dħul huwa b’xejn. Donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund jiġu apprezzati. 

    1

     Advanced issues found

    5