vatican

Madwar 100 parroċċa Anglikana Tradizzjonalista fl-Istati Unit ital-Amerika iddeċiedew li jingħaqdu bħala grupp fi ħdan il-Knisja Kattolika. F’laqgħa f’Orlando, l-Isqfijiet tal-Knisja Anglikana fl-Amerika ivvutaw favor li jfittxu li jsiru parti mill-Knisja Kattolika taħt il-linji gwida stabbiliti mill-Papa Benedittu XVI permezz tal-Kostituzzjoni Appostolika “Anglicanorum Coetibus” (li tfisser “Gruppi ta’ Anglikani”).

Il-Knisja Anglikana fl-Amerika hi parti mill-Komunjoni Anglikana Tradizzjonali, grupp ta’ knejjes li sseparaw mill-Komunjoni Anglikana dinjija fl-1991. Il-Komunjoni Anglikana Tradizzjonali tallega li għandha 400,000 membru madwar id-dinja. It-talba tfisser li l-100 parroċċa tal-Knisja Anglikana fl-Amerika se jitolbu għal arranġament fi struttura simili ta’ djoċesijiet. Dan l-arranġament ikun ifisser li dawn l-individwi jżommu l-karattru Anglikan u ħafna mil-liturġija u l-prattiċi tagħhom waqt li jkunu f’għaqda sħiħa mal-Knisja Kattolika.

Il-Knisja Anglikana tal-Amerika hi t-tielet grupp ta’ Knejjes Anglikani li wieġbu għall-istedina tal-Vatikan.