Ir‑regolamenti għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja f’Malta u f’Għawdex għas‑sena skolastika 2024‑2025 jinsabu fuq il‑websajt tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt.

B’kollox hemm 1,790 post vakanti għall‑istudenti (1,538 f’Malta u 252 f’Għawdex). L‑applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ għal Malta u Għawdex se jintlaqgħu bejn il‑21 u t-30 ta’ Novembru 2023.  L-‘Applikazzjoni Tard’ se jintlaqgħu bejn is-7 u l-14 ta’ Diċembru. L‑applikazzjonijiet ta’ ‘Applikanti l‑Oħra’ jintlaqgħu bejn l‑1 u l‑14 ta’ Frar 2024. L-‘Applikazzjoni Tard’ se jintlaqgħu bejn l-20 u d-29 ta’ Frar. Il‑lista tad‑dokumenti meħtieġa, il‑ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir‑regolamenti.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel u t‑tieni sena kindergarten, fl‑ewwel sena primarja u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal‑Knisja, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja u tas-Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal‑istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal‑Knisja bla kontinwità.

Se jiġu allokati numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il‑każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew se jkollhom bżonn l‑għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il‑każijiet serji jsegwu proċess parallel għall‑applikazzjonijiet l‑oħra.

Il‑proċess tad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex jiddetermina d‑dħul fl‑ewwel sena kindergarten u fl‑ewwel sena sekondarja. L‑applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis‑sitt sena primarja fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex, tfal tal‑impjegati tal‑iskejjel tal‑Knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl‑istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil, applikanti mill‑Għasri, u applikanti għal St Francis Nadur Kindergarten. Dawn l-applikanti jistgħu jkunu kemm mainstream kif ukoll bl‑għajnuna ta’ LSE.

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta għas‑sena skolastika 2024‑2025 huwa kif ġej:

MALTAPostijiet
Vakanti
Subien
Postijiet
Vakanti
Bniet
Total
Postijiet
Vakanti
L-Ewwel Sena Kindergarten9696192
It-Tieni Sena Kindergarten86346432
L-Ewwel Sena Primarja356228584
L-Ewwel Sena Sekondarja25971330
TOTAL7977411,538

In‑numru ta’ postijiet vakanti għad‑dħul fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex għas‑sena skolastika 2024‑2025 huwa kif ġej:

GĦAWDEXPostijiet
Vakanti
Subien
Postijiet
Vakanti
Bniet
Total
Postijiet
Vakanti
L-Ewwel Sena Kindergarten108
L-Ewwel Sena Sekondarja7272144
TOTAL252

Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fl-2023

Għas‑sena skolastika preżenti (2023‑2024), is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija rċieva 3,742 applikazzjoni għal 1,755 post vakanti f’diversi livelli tad‑dħul għal skejjel f’Malta. Għal darb’oħra, it‑talba kienet aktar mid‑doppju tal‑postijiet disponibbli fl‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta. Is-Segretarjat irċieva wkoll 335 applikazzjoni għal 255 post vakanti għall-iskejjel tal‑Knisja f’Għawdex. Il‑poloz u l‑għażla tal‑iskola saru online.