L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ħallielhom ġidu f’idejhom” (Mt 25:14). Dan hu li naqraw fil-parabbola tat-talenti meta s-sid ried jafda l-ġid tiegħu lil tliet qaddejja differenti biex huma jħaddmu l-ġid tiegħu sakemm jerġa’ jiġi lura minn barra. Għalhekk, kif nafu, lil wieħed tah ħames talenti, lill-ieħor tnejn u lill-ieħor talent wieħed, u stenna li waqt li jkun barra, dawn iħaddmuhom.

Imma nafu li meta ġie lura, sab li dak li kellu ħames talenti ħaddimhom, u dak ta’ tnejn ukoll, imma dak li kellu talent wieħed ħeba t-talent li kien tah is-sid . U s-sid ippremja lil dawk li ħaddmu t-talenti u kkastiga lil dak li ħbieh.

X’inhu l-messaġġ f’din il-parabbola li jgħodd għall-ħajja tagħna llum?

Alla jagħti talenti lil kull persuna

L-ewwel nett, Alla lilna, lil kull wieħed u waħda minna, tana t-talenti fil-ħajja tagħna. It-talenti dak iż-żmien kienu flus, u kienu jiswew ħafna. Imma l-messaġġ tal-parabbola hu li l-kwalitajiet sbieħ li Alla ta lil kull wieħed u waħda minna nsejħulhom talenti u huma prezzjużi.

Huwa importanti li aħna nagħrfu dan. Kultant ikun hemm min jarmi lilu nnifsu, jgħid “jien ma jien tajjeb għal xejn!” jew “jien ma niswa għalxejn!” Imma mhux veru. Lil kull wieħed u waħda Alla tana t-talenti biex aħna nistgħu nħaddmuhom. Mhux kulħadd l-istess. Fil-parabbola Ġesù jgħid li s-sid lil wieħed tah ħamsa, lill-ieħor tnejn u lill-ieħor wieħed. Imma lil kuħadd tah ħafna. Irridu niftakru li fi żmien Ġesù talent wieħed kien jiswa ħafna. Għalhekk lil ħadd ma tah ftit, lil kulħadd tah ħafna. Imma min tah ħafna u min tah iżjed, kulħadd skont il-ħila tiegħu, tgħid il-parabbola.

Għalhekk l-ewwel messaġġ fil-kelma ta’ Alla llum hu biex aħna nagħrfu t-talenti li Alla tana. Ma nħarsux lejn l-oħrajn u niffissaw fuq it-talenti tal-oħrajn, forsi kultant b’għira. Kull wieħed u waħda għandna t-talenti. L-importanti li nagħrfu dak li lilna ta Alla.

Talenti biex inħaddmuhom

Dawn it-talenti Alla tahomlna biex niżviluppawhom, biex inħaddmuhom. Għall-ġid tagħna, tal-familja tagħna, u għall-ġid tal-oħrajn. Iktar ma nagħrfu nħaddmuhom, iktar nilħqu l-iskop ta’ dawn il-kwalitajiet li Alla tana. Ma tahomlniex biex aħna nitkabbru bihom, jew biex nintefħu fuq l-oħrajn, jew biex inqisu ruħna aħjar mill-oħrajn. Imma tahomlna biex nużawhom għall-ġid. Hemm nagħrfu kemm hu sabiħ dak li Alla tana, u kemm jiswa meta aħna nużaw it-talenti tagħna għall-ġid.

Hawn ħafna talenti differenti – per eżempju, min għandu talent fl-isport, min fl-arti, min fil-mużika u l-kant, min fiż-żfin, min fil-kitba, min fit-tagħlim. Tant hemm talenti differenti – dawn eżempji biss. Importanti li nagħrfu nużaw dawn it-talenti b’mod tajjeb u sabiħ.

Talenti li rridu rrodduhom lil Alla

It-talenti ġejjin mingħand Alla. Għalhekk il-parabbola tibda “ħallielhom ġidu”. Anke jekk Alla ta t-talenti lilna biex niżviluppawhom, imma dawn huma ġejjin mingħandu. Kemm hu sabiħ li aħna nagħrfu nħaddmu t-talenti tagħna, biex ’il quddiem, meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla, nistgħu rroddulu t-talenti li tana! Inkunu nistgħu nagħmlu dan għax inkunu tassew użajniehom għall-ġid.

Għalhekk meta aħna ngħidu li għandna nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla, u li nużaw id-doni li tana għall-glorja tiegħu, hu proprju biex ngħixu tassew bl-isbaħ mod dak li Alla tana. Inkunu ħaddimniehom għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-oħrajn; u, meta jasal il-waqt, irroddulu lura dak li tana u li nkunu ħaddimna skont ir-rieda tiegħu.

Nitolbu lill-Mulej li, imdawlin minn din il-kelma tiegħu, aħna nagħrfu niskopru dejjem aktar t-talenti li hu tana; li nħaddmuhom b’mod tajjeb – u tajjeb niftakru li għal dan ma hemmx età, nistgħu nkunu anzjani ħafna, anke ’l fuq minn disgħin sena, u jkollna l-opportunità li nħaddmu t-talenti. Nitolbu li dejjem ikollna f’qalbna gratitudni kbira lejh, u dak li tana nħaddmuh dejjem għall-glorja tiegħu u għall-ġid tal-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju