Kważi 70 fil‑mija ta’ dawk li wieġbu għall‑istħarriġ li sar minn Misco qalu li huma kontra l‑abort jekk it‑tqala ma tpoġġix il‑ħajja tal‑omm f’riskju.

L‑istħarriġ, ikkummissjonat mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta, sar lejn l‑aħħar ta’ Novembru u twieġeb minn 800 persuna.

Madankollu, kważi 80 fil‑mija jiffavorixxu intervent mediku li jirriżulta f’terminazzjoni tat‑tqala f’ċirkostanzi fejn ħajjet il‑mara tkun f’riskju.

Barra minn hekk, wieħed minn kull ħamsa li wieġbu, 21 fil‑mija, jaqblu li l‑abort jista’ jintuża bħala mezz biex jillimita d‑daqs ta’ familja irrispettivament jekk is‑saħħa jew il‑ħajja tal‑omm hijiex f’riskju.

Dawk li ħadu sehem fl‑istħarriġ ġew mistoqsija dawn it‑tliet mistoqsijiet:

  1. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta t‑tqala tipperikola l‑ħajja tal‑omm.
  2. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta t‑tqala ma tipperikolax il‑ħajja tal‑omm.
  3. Taqbel jew ma taqbilx mal‑abort fiċ‑ċirkustanzi li ġejjin? Meta l‑omm ma tkunx tixtieq li jkollha aktar tfal.

Dwar il‑kwistjoni tal‑abort f’każijiet fejn il‑ħajja tal‑mara ma tkunx f’riskju, ta’ min jinnota li 58 fil‑mija tan‑nisa u 78 fil‑mija tal‑irġiel esprimew ruħhom kontra, filwaqt li l‑oppożizzjoni għall‑abort tiżdied b’mod sinifikanti fil‑faxex li għandhom iktar minn 24 sena.

Il‑Parlament ta’ Malta bħalissa qed jivvota dwar emenda li tippermetti li jsir abort mhux biss fejn il‑ħajja tal-omm tkun f’riskju iżda wkoll f’każijiet fejn hemm ‘riskju gravi għas‑saħħa tal‑mara’.

Il‑Knisja esprimiet tħassib kbir dwar kwalunkwe bidla leġiżlattiva li tippermetti li t‑terminazzjoni ta’ tqala meta ħajjet il‑mara ma tkunx f’riskju.