Katekeżi fuq ix-Xjuħija: 15. Pietru u Ġwanni
Għeżież ħuti, merħba u l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja tal-katekeżi tagħna fuq ix-xjuħija, illum ejjew nimmeditaw fuq id-djalogu bejn Kristu Rxoxt u Pietru fi tmiem il-Vanġelu ta’ Ġwanni (21:15-23). Hu djalogu kommoventi, li minnu toħroġ l-imħabba kollha ta’ Ġesù għad-dixxipli tiegħu, u anki l-umanità sublimi tar-relazzjoni tiegħu magħhom, b’mod partikulari ma’ Pietru: relazzjoni ta’ ħlewwa, imma mhux vojta; diretta, qawwija, ħielsa, miftuħa. Relazzjoni umana u fil-verità. Hekk, il-Vanġelu ta’ Ġwanni, hekk spiritwali, hekk għoli, jagħlaq b’talba emozzjonanti u b’offerta ta’ mħabba bejn Ġesù u Pietru, li tintiseġ, bin-naturalezza kollha, waqt diskussjoni bejniethom. L-Evanġelista jwissina: hu qed jagħti xhieda tal-verità tal-fatti (ara Ġw 21:24). U hu fihom li għandna nfittxu l-verità.
Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kapaċi nħarsu l-ispirtu ta’ din ir-relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli, skont dak l-istil hekk miftuħ, hekk ċar, hekk dirett, hekk umanament reali? Kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù? Hija hekk, bħal dik tal-Appostli miegħu? M’aħniex, forsi, spiss ittentati nagħlqu x-xhieda tal-Vanġelu fil-fosdqa ta’ rivelazzjoni kollha “zokkor”, li magħha nżidu l-qima tagħna skont iċ-ċirkustanza? Dan l-atteġġjament, li jidher rispett, fir-realtà jbegħidna mill-veru Ġesù, u jsir saħansitra okkażjoni għal mixja ta’ fidi astratta ħafna, awtoreferenzjali ħafna, mondana ħafna, li mhijiex it-triq ta’ Ġesù. Ġesù huwa l-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, u hu jġib ruħu ta’ bniedem, hu jkellimna ta’ bniedem, Alla-bniedem. B’din il-ħlewwa, b’din il-ħbiberija, b’din il-qrubija. Ġesù mhuwiex dik ix-xbieha taz-zokkor li naraw fis-santi, le: Ġesù jħokk magħna minkeb ma’ minkeb, huwa qrib tagħna.
Li nimxu wara Ġesù hu l-importanti: nimxu wara Ġesù dejjem, pass pass, bil-ġirja, bil-mod, fis-siġġu tar-roti, imma dejjem nixmu warajh
Tul id-diskussjoni ta’ Ġesù ma’ Pietru, insibu żewġ passaġġi li jolqtu preċiżament ix-xjuħija u l-firxa taż-żmien: iż-żmien tax-xhieda, iż-żmien tal-ħajja. L-ewwel pass hu t-twissija ta’ Ġesù lil Pietru: meta kont żagħżugħ kont tagħmel dak li trid, meta tixjieħ ma tibqax sid tiegħek innifsek u ta’ ħajtek. Ħudu lili li jkolli noqgħod f’siġġu tar-roti, eħ! Imma hekk hu, il-ħajja hija hekk: max-xjuħija jitfaċċa dan il-mard kollu u rridu naċċettawh kif jiġi, le? Ma għadx għandna s-saħħa ta’ meta konna żgħar! U anki x-xhieda tiegħek – jgħid Ġesù – timxi ma’ din id-dgħufija. Int trid tkun xhud ta’ Ġesù anki fid-dgħufija, fil-mard u fil-mewt. Hemm silta sabiħa ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola li tgħid hekk: “Bħal fil-ħajja, fil-mewt ukoll irridu nagħtu xhieda li aħna dixxipli ta’ Ġesù”. Tmiem ħajjitna għandu jkun wieħed ta’ dixxipli: ta’ dixxipli ta’ Ġesù, għax il-Mulej ikellimna dejjem skont l-età li għandna. L-Evanġelista jżid il-kumment tiegħu, u jfisser li Ġesù kien qed jalludi għall-ogħla xhieda, dik tal-martirju u tal-mewt. Imma nistgħu nifhmu tajjeb b’mod iżjed ġenerali s-sens ta’ din it-twissija: is-sequela tiegħek għandha titgħallem tħalli tmexxiha u tagħġinha d-dgħufija tiegħek, l-impotenza tiegħek, id-dipendenza tiegħek fuq l-oħrajn, saħansitra meta tiġi biex tilbes, biex timxi. Imma int “ejja warajja” (v. 19). Il-mixja wara Ġesù dejjem miexja ’l quddiem, sew meta wieħed hu f’saħħtu, sew meta mhux, sew meta wieħed jista’ jimxi waħdu fiżikament u sew meta ma jistax, imma li nimxu wara Ġesù hu l-importanti: nimxu wara Ġesù dejjem, pass pass, bil-ġirja, bil-mod, fis-siġġu tar-roti, imma dejjem nixmu warajh. L-għerf tad-dixxipulat għandu jsib it-triq biex jibqa’ dejjem fl-istqarrija tal-fidi tiegħu – hekk iwieġeb Pietru: “Mulej, int taf li nħobbok” (vv. 15,16,17) –, imqar fil-kundizzjonijiet limitati tad-dgħufija u tax-xjuħija. Jien nieħu gost inħares f’għajnejn l-anzjani meta nitkellem magħhom: għandhom dawk l-għajnejn jixegħlu, dawk l-għajnejn li jkellmuk iżjed mill-kliem, ix-xhieda ta’ ħajja. U dan hu s-sabiħ, jeħtieġ nikkonservawh sal-aħħar. Nimxu wara Ġesù b’dan il-mod, mimlijin ħajja.
Dan il-kollokju bejn Ġesù u Pietru fih tagħlim prezzjuż għad-dixxipli kollha, għalina lkoll li nemmnu. U anki għall-anzjani kollha. Nitgħallmu mid-dgħufija tagħna kif nesprimu l-koerenza tax-xhieda tagħna ta’ ħajja fil-kundizzjonijiet ta’ ħajja fdata fil-wisa’ f’idejn l-oħrajn, dipendenti bil-kbir fuq l-inizjattiva tal-oħrajn. Bil-mard, bix-xjuħija d-dipendenza tikber u ma nibqgħux nistgħu nagħmlu kollox waħidna bħal qabel; tikber id-dipendenza fuq l-oħrajn u hemm ukoll timmatura l-fidi, hemm ukoll hemm Ġesù magħna, hemm ukoll igelgel dak l-għana tal-fidi mgħixa tajjeb fit-triq tal-ħajja.
Imma jeħtieġ nistaqsu mill-ġdid lilna nfusna: għandna spiritwalità li tassew kapaċi taqra l-istaġun – illum twil u mifrux – ta’ dan iż-żmien tad-dgħufija tagħna fdata f’idejn l-oħrajn, iktar milli f’idejn is-setgħa tal-awtonomija tagħna? Kif nistgħu nibqgħu fidili lejn il-mixja li għexna, lejn l-imħabba mwiegħda, lejn il-ġustizzja li fittixna fiż-żmien meta kien għad kellna ħila ikbar ta’ inizjattiva, issa f’dan iż-żmien tad-dgħufija, fiż-żmien tad-dipendenza, tat-tluq, fiż-żmien li fiha jeħtieġ nitbiegħdu mill-protagoniżmu tal-ħajja tagħna? Mhuwiex faċli nitbiegħdu milli nkunu protagonisti, mhuwiex faċli.
Anzjan ma jistax ikun hieni mingħajr ma jħares lejn iż-żgħażagħ, u ż-żgħażagħ ma jistgħux jimxu ’l quddiem fil-ħajja mingħajr ma jħarsu lejn l-anzjani
Dan iż-żmien il-ġdid huwa wkoll żmien ta’ prova, bla dubju. Ibda mit-tentazzjoni – umana ħafna, bla dubju, imma wkoll perikoluża ħafna –, li nikkonservaw il-protagoniżmu tagħna. U xi kultant il-protagonista jkollu jiċċekken, ikollu jitbaxxa, jaċċetta li x-xjuħija tbaxxik bħala protagonista. Imma ssib mod ġdid kif tesprimi ruħek, mod ġdid kif tipparteċipa fil-familja, fis-soċjetà, fil-grupp ta’ ħbiebek. U din hi l-kurżità li tiġih Pietru: “U dan?”, jgħid Pietru, meta jilmaħ lid-dixxiplu l-maħbub li kien miexi warajhom (ara vv. 20-21). Iddeffes imnieħrek fil-ħajja tal-oħrajn. Le, Ġesù jgħidlu: “Oqgħod kwiet!”. Iva dan bilfors irid joqgħod fit-triq “tiegħi”? Għandu bilfors għax jokkupa l-ispazju “tiegħi”? Sa jkun is-suċċessur tiegħi? Huma mistoqsijiet li ma jiswewx, li ma jgħinux. Se jibqa’ iżjed minni u jieħu posti? U t-tweġiba ta’ Ġesù hi ċara u anki goffa: “Inti x’inhi affarik? Int imxi warajja!” (v. 22), qisu jrid jgħidlu: int ħu ħsieb ta’ ħajtek, tas-sitwazzjoni attwali tiegħek, u tindaħalx fil-ħajja tal-oħrajn. Int imxi warajja. Dan iva, importanti: il-mixja wara Ġesù, li nimxu wara Ġesù fil-ħajja u fil-mewt, fis-saħħa u fil-mard, fil-ħajja meta hemm il-ġid ta’ tant suċċessi u fil-ħajja anki iebsa b’tant mumenti koroh tal-waqgħa. U meta aħna rridu nindaħlu fil-ħajja tal-oħrajn, Ġesù jweġibna: “Int x’inhu affarik? Int imxi warajja”. Sabiħa wisq. Aħna l-anzjani m’għandniex għax ngħiru għaż-żgħażagħ li qed isibu triqthom, li qed jeħdulna postna, li ħa jtawlu iżjed minna. Il-ġieħ tal-fedeltà tagħna għall-imħabba li ħlifna, il-fedeltà lejn il-mixja tal-fidi li emminna, anki l-kundizzjonijiet li jiġu fuqna lejn tmiem ħajjitna, huma dak li għalih jammirawna l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna u li minħabba fih il-Mulej hu tant grat lejna. Nitgħallmu t-triq tat-tluq: dan hu l-għerf tal-anzjani. Imma nitilqu kif imiss, bit-tbissima; nitgħallmu nitilqu fis-soċjetà, id f’id mal-oħrajn. Il-ħajja tal-anzjan hija tluq, bil-mod il-mod, imma tluq hieni: għext ħajti, żammejt sħiħa l-fidi tiegħi. Dan hu s-sabiħ, meta anzjan jista’ jgħid dan: “Għext ħajti, din hi l-familja tiegħi; għext il-ħajja, dnibt imma għamilt il-ġid ukoll”. U din il-paċi li tiġi, dan hu t-tluq tal-anzjan.
Saħansitra l-mixja li bilfors ikollha toqgħod b’idejha fuq żaqqha, imma magħmula minn kontemplazzjoni emozzjonata u minn smigħ maħtuf mill-kelma tal-Mulej – bħal dik ta’ Marija, oħta Lazzru – issir l-aħjar parti ta’ ħajjithom, tal-ħajja tagħna l-anzjani. Jalla ħadd ma jeħdilna dan is-sehem, qatt (ara Lq 10:42). Ejjew inħarsu lejn l-anzjani, inħarsu lejhom, u ngħinuhom biex jistgħu jgħixu u jesprimu l-għerf ta’ ħajjithom, biex jistgħu jagħtuna dak li għandhom sabiħ u tajjeb. Inħarsu lejhom, nisimgħuhom. U aħna l-anzjani, ejjew inħarsu lejn iż-żgħażagħ dejjem bi tbissima: huma se jimxu t-triq, huma se jmexxu ’l quddiem dak li żrajna, anki dak li ma żrajniex għax ma kellniex il-kuraġġ jew l-opportunità: huma se jmexxuh ’il quddiem. Imma dejjem f’din ir-relazzjoni ta’ reċiproċità: anzjan ma jistax ikun hieni mingħajr ma jħares lejn iż-żgħażagħ, u ż-żgħażagħ ma jistgħux jimxu ’l quddiem fil-ħajja mingħajr ma jħarsu lejn l-anzjani. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard