L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Omm Ġesù hi mistiedna għal tieġ. It-tieġ isir mhux ’il bogħod minn Nazaret f’raħal ieħor tal-   Galilija jismu Kana. Anke Ġesù hu mistieden u nistgħu nimmaġinaw li allura hemm il-qraba tagħhom ukoll. Imma Ġesù jġib miegħu d-dixxipli tiegħu; ma kinux jiġu mill-għarajjes imma ġabhom miegħu.

Anke fit-tieni qari li smajna llum insibu li fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqgħodu l-ewwel dixxipli – kien hemm il-11 għax Ġuda l-Iskarjota ma kienx għadu magħhom – imma flimkien mal-11 kien hemm ukoll xi nisa: Marija, omm Ġesù u qrabathom. Nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ gruppi ta’ nies li nsibuhom fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù anke bħala xhieda ta’ dan l-ewwel sinjal, allura qed ngħid: il-qraba ta’ Ġesù, ommu imma wkoll id-dixxipli tiegħu. Tant hu hekk li din l-esperjenza immarkat id-dixxipli ta’ Ġesù, u San Ġwann jgħidilna dak li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih (Ġw 2:11). Fuq il-qraba ma jgħid xejn.     

Imma l-qraba nsibuhom ukoll wara li Ġesù tela’ s-sema, insibuhom flimkien mad-dixxipli u ma’ omm Ġesù. Irridu niftakru li fl-istess Evanġelju, li minnha ttieħdet is-silta tal-lum, il-qraba ta’ Ġesù nsibuhom ukoll meta tasal is-siegħa tiegħu. X’qalilha Ġesù lill-Madonna meta qaltlu “M’għandhomx inbid”? Qalilha, “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx” (Ġw 2:3,4).

Il-Papa Franġisku minn hawnhekk fit-2 ta’ April, qalilna: “Is-siegħa ta’ Ġesù kienet il-mewt tiegħu fuq is-salib għax bil-mewt tiegħu fuq is-salib kellha tinfetaħ għajn ta’ ħniena u ta’ barka”. Ġesù kien għadu fil-bidu hawnhekk f’Kana tal-Galilija, ma kinitx waslet is-siegħa tiegħu imma l-Madonna tgħid lill-qaddejja kelma li tibqa’ għażiża għalina: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).

San Pawl Missierna għandu din l-espressjoni sabiħa dwar l-akkoljenza: ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu laqa’ lilkom

Għaliex qed ngħid kemm hu importanti ninnutaw li l-qraba ta’ Ġesù huma preżenti f’Kana tal-Galilija kif ukoll fis-siegħa tiegħu? Għax l-istess Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna li ħdejn is-salib kien hemm ommu, u kien hemm oħt ommu (Ġw 19:15); kien hemm zitu, allura kien hemm il-qraba tiegħu. Imma meta jħares lejn ommu, Ġesù minn fuq is-salib ma jafdahiex lill-qraba. Iħares lejn id-dixxiplu l-maħbub – it-tradizzjoni tgħidilna li hu l-istess Ġwanni –  li fil-Evanġelju jgħidlu: “Hawn hi ommok”; iħares lejn ommu li kellha tifel wieħed u jgħidilha: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26,27). Hu u jmut jagħtiha iben ieħor, mhux wieħed mill-qraba, imma wieħed mid-dixxipli. Id-dixxipli jsiru l-familja l-ġdida ta’ Ġesù. Il-Madonna jafdaha mhux lill-qraba li kienu hemm, imma lid-dixxipli.

Imma din hi ħaġa li fakkarna ħafna fiha l-Papa Franġisku minn dan is-santwarju għażiż, meta jgħidilna hekk: ‘Kemm hi importanti fil-Knisja l-imħabba bejn l-aħwa u l-akkoljenza tal-proxxmu!’ Il-Mulej dan ifakkarhulna fis-siegħa tas-salib, fl-akkoljenza reċiproka ta’ Marija u Ġwanni. Għaliex? Għax lil Marija jgħidilha: ilqa’ lil ibnek il-ġdid Ġwanni. Lil Ġwanni jgħidlu: ‘din hi ommok’. Akkoljenza reċiproka, jilqgħu lil xulxin. U hekk hu jsejjaħ lill-komunità Nisranija ta’ kull żmien biex qatt ma twarrab din il-prijorità: “dan hu ibnek, din hi ommok”. Qisu jrid jgħid: intom mifdija mill-istess demm, intom familja waħda, allura ilqgħu lil xulxin, ħobbu lil xulxin, ikkuraw il-ġrieħi ta’ xulxin mingħajr suspetti, firdiet, qlajjiet, zekzik u sfiduċja f’xulxin.

U l-Papa jgħid: ‘Agħmlu Sinodu jiġifieri imxu flimkien għax Alla hu preżenti fejn issaltan l-imħabba’. Mela l-għarajjes ta’ Kana kellhom il-grazzja jilqgħu lil Marija bħala mistiedna, stiednu wkoll lil Ġesù. Xi grazzja jkollok il-Madonna u ’l Ġesù mistednin għat-tieġ! L-Imgħallem, li fil-ħin tiegħu jaf ikattar bil-mod tiegħu u dejjem ġeneruż, xi ħaġa li jħobb jirrepetiha ħafna l-Papa Franġisku. Imma fuq is-salib lil Ġwanni u ’l Marija jitlobhom jilqgħu lil xulxin bħala l-familja ġdida tiegħu avolja hemm il-qraba, li ma kinux se jabbandunawha għax nerġgħu niltaqgħu magħhom anke wara li Ġesù jitla’ s-sema. Imma l-familja ta’ Ġesù, il-familja ġdida hi aħna mifdijin b’demmu li gelgel minn ġbinu u mill-ġisem għażiż tiegħu bil-passjoni ħarxa tiegħu. U din hi stedina biex nilqgħu lil xulxin.

San Pawl Missierna għandu din l-espressjoni sabiħa dwar l-akkoljenza: ilqgħu lil xulxin bħalma Kristu laqa’ lilkom. Issa dan il-verb li juża, li tilqa’, ifisser ukoll tieħu paċenzja. Ejjew nitolbuha ħafna l-Madonna llum taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna ta’ Pinu, li nifhmu x’qed jipprova jgħidilna l-Papa meta jgħidilna ilqgħu lil xulxin, l-akkoljenza reċiproka li nilqgħu lil xulxin, li aħna allura nifhmu: intom mifdija mill-istess demm, aħna min aħna, naħsbu x’naħsbu, aħna mifdija mill-istess demm. Aħna familja waħda allura nilqgħu lil xulxin, inħobbu lil xulxin u nikkuraw l-ġrieħi ta’ xulxin mhux inferu ’l xulxin.

Nitolbuha ħafna l-Madonna biex aħna li aħna parti mill-familja ta’ Ġesù, mifdija bid-demm imqaddes tiegħu, bis-siegħa tiegħu li diġà raha ġejja bl-Evanġelju ta’ Kana tal-Galilija, aħna jkollna l-grazzja li nilqgħu tassew lil xulxin bl-imħabba kif qalilna l-Papa Franġisku.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Żak 2:14-17
Salm: Lq 1:46-55
Qari II: Atti 1:12-14
L-Evanġelju: Ġw 2:1-11

Agħfas hawn biex tara l-filmat tal-quddiesa.

Aktar ritratti >>