Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum, wieħed raġel jagħmel din it-talba lil Ġesù: “Mgħallem għid lil ħija biex jaqsam il-wirt miegħi” (Lq 12:13). Din sitwazzjoni komuni ħafna, problemi bħal dawn huma ħaġa ta’ kuljum: kemm aħwa, kemm membri tal-istess familja, sfortunatament jiġġieldu u, forsi, lanqas ikellmu lil xulxin aktar minħabba l-wirt!
Fit-tweġiba li ta lil dak ir-raġel. Ġesù ma jidħolx fid-dettalji, imma jmur dritt lejn l-għerq tal-firdiet li jinħolqu mill-pussess tal-affarijiet, u jgħid bla tlaqliq: “Żommu bogħod minn kull regħba” (v. 15). X’inhi r-rebgħa? Hi l-kilba bla rażan għall-ġid materjali, li bniedem irid dejjem jistgħana. Hi marda li teqred lill-persuni, għax il-kilba li jkollok toħloq aktar dipendenza. Fuq kollox, min għandu ħafna qatt mhu kuntent: dejjem irid aktar, u għalih waħdu. Imma hekk m’għadux aktar ħieles: hu ggranfat, ilsir, ta’ dak li paradossalment kellu jservih biex jgħix liberu u hieni. Minflok jinqeda bil-flus, isir il-qaddej tagħhom. Imma r-rebgħa hi marda perikoluża għas-soċjetà wkoll: minħabba fiha llum wasalna għal paradossi akbar, għal inġustizzja bħal qatt qabel fl-istorja, fejn il-ftit għandhom ħafna u l-ħafna għandhom ftit jew inkella xejn. Niftakru fil-gwerer u fil-kunflitti: kważi dejjem tidħol fihom il-kilba għar-riżorsi jew ir-rikkezzi. Kemm hemm interessi wara kull gwerra! Żgur li wieħed minn dawn hu l-kummerċ tal-armi. Dan il-kummerċ hu skandlu li la għandna u lanqas nistgħu nirrassenjaw ruħna għalih.
Illum Ġesù jgħallimna li, fil-qalba ta’ dan kollu, m’hemmx biss xi setgħanin jew ċerti sistemi ekonomiċi: fil-qalba hemm ir-rebgħa li tinsab fil-qalb ta’ kull bnedem. Allura nippruvaw nistaqsu lilna nfusna: kif se ninqata’ mill-ġid u mir-rikkezzi? Nilmenta għal dak li jonqosni jew naf nikkuntenta ruħi b’dak li għandi? Għandi tentazzjoni, f’isem il-flus u l-opportunitajiet, nissagrifika r-relazzjonijiet u nissagrifika ħini għall-oħrajn? U aktar, jiġrili li nissagrifika fuq l-artal tar-rebgħa l-legalità u l-onestà? Għidt “l-artal”, l-artal tar-rebgħa, imma għaliex għidt ‘artal’? Għax il-ġid materjali, il-flus, ir-rikkezzi jistgħu jsiru kult, idolatrija vera u propja. Għaldaqstant Ġesù jwissina bi kliem iebes. Jgħid li ma nistgħux naqdu żewġ sidien, u – noqgħodu attenti – ma jgħidx lil Alla u lix-xitan, le, lanqas it-tajjeb u l-ħażin, imma Alla u l-ġid (ara Lq 16:13). Wieħed jistenna li kellu jgħid: ma tistgħux taqdu żewġ sidien, Alla u x-xitan. Minflok, jgħid: Alla u l-ġid. Ninqdew bir-rikkezzi, iva; inkunu qaddejja tar-rikkezzi, le: hi idolatrija, hi offiża lil Alla.
Kemm hemm interessi wara kull gwerra! Żgur li wieħed minn dawn hu l-kummerċ tal-armi. Dan il-kummerċ hu skandlu li la għandna u lanqas nistgħu nirrassenjaw ruħna għalih
U allura – jista’ jgħaddilna minn moħħna – ma nistgħux nixtiequ li nkunu sinjuri? U żgur li nistgħu, anzi hu sew li nixtiequ dan, sabiħ tistgħana, imma sinjuri skont Alla! Alla hu l-aktar għani fost kulħadd: hu għani fil-kumpassjoni, fil-ħniena. Ir-rikkezza tiegħu qatt ma faqqret lil ħadd, ma toħloqx tilwim u firdiet. Hi għana li jħobb jagħti, iqassam, jaqsam. Ħuti, il-ħażna tal-ġid materjali mhix biżżejjed biex ngħixu tajjeb, għax – jerġa’ jgħid Ġesù – il-ħajja ma tiddependix minn dak li għandna (ara Lq 12:15). Iżda tiddependi wkoll mir-relazzjonijiet tajbin: ma’ Alla, mal-oħrajn u wkoll ma’ min għandu anqas. Għalhekk nistaqsu lilna nfusna: kif nixtieq nistgħana? Irrid nistgħana skont Alla jew skont ir-rebgħa tiegħi? U lura lejn it-tema tal-wirt, liema wirt irrid inħalli warajja? Flus fil-bank, ħwejjeġ materjali, jew nies kuntenti madwari, opri ta’ tjieba li ma jintesewx, persuni li għent jikbru u jimmaturaw?
Il-Madonna tgħinna nifhmu liema hu l-veru ġid tal-ħajja, dak li jibqa’ għal dejjem.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ filgħodu wasalt lura f’Ruma wara l-vjaġġ appostoliku ta’ sitt ijiem fil-Kanada. Fi ħsiebni nitkellem dwaru waqt l-udjenza ġenerali ta’ nhar l-Erbgha li ġej, imma issa nixtieq irrodd ħajr lil dawk kollha li għamlu possibbli dal-pellegrinaġġ penitenzjali, ibda mill-awtoritajiet ċivili, il-Kapijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni u l-Isqfijiet kanadiżi. Nirringrazzja minn qalbi lil kull min akkumpanjani bit-talb. Grazzi lil kulħadd!
Waqt il-vjaġġ ukoll, qatt ma waqaft nedha nitlob għall-poplu Ukren, aggredit u mmartirizzat, u tlabt lil Alla biex jeħilsu minn dal-flaġell tal-gwerra. Jekk inħarsu lejn ir-realtà oġġettivament, meta tqis id-danni li ta’ kuljum iġġib magħha l-gwerra għal dawk il-popolazzjonijiet, imma wkoll għad-dinja kollha, l-unika ħaġa raġjonevoli li għandha ssir hi li tieqaf u jsiru n-negozjati. Jalla d-dehen jispira passi konkreti ta’ paċi.
Insellem lilkom Rumani u pellegrini. Insellem b’mod partikolari lin-novizzi Ulied Marija Awżiljatriċi li se jagħmlu l-ewwel professjoni reliġjuża; lill-grupp tal-Azzjoni Kattolika minn Barletta; liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Verona; lill-adolexxenti tal-Unità Pastorali ‘Pieve di Scandiano’; u lil dawk tal-grupp ‘Gonzaga’ minn Carimate, Montesolaro, Figino u Novedrate, li mxew tul it-triq ‘Franicigena’. Fil-festa ta’ San Injazju ta’ Loyola nsellem b’għożża lill-konfratelli Ġiżwiti tiegħi. Komplu mexjin biż-żelu, bil-ferħ fis-servizz tal-Mulej. Kunu kuraġġużi!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org