• Nhar il-Ħamis 17 ta’ Novembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ppresieda l-Oratorju ‘Canticum Vitae’ (L-Għanja tal-Ħajja), fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta. L-Oratorju, li kien ċelebrazzjoni tal-Inklużjoni, kien esegwit tant tajjeb mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-kompożitur stess Mro. Hermann Farrugia Frantz, bi kliem miġbur mil-Bibbja minn Mons. Lawrence Gatt.

    F’kelmtejn tal-okkażjoni, Mons Arċisqof Charles J. Scicluna irrefera għat-test  ta’ ‘Canticum Vitae’  minsuġ minn Mons Lawrence Gatt, ex-Direttur tad-Dar tal-Providenza. L-Arċisqof tenna li fih hemm l-għerf tal-Kelma ta’ Alla li tgħidilna kemm hu sabiħ li aħna nkunu flimkien, li nkunu aħwa flimkien.  Id-Dar tal-Providenza hija monument għal dan is-sentiment profond ta’ fraternità inklussiva.  Hija glorja tal-Knisja f’Malta. Hija anteċipazzjoni anke tal-enfasi li jagħmel il-Papa Franġisku fil-ġesti kollha tiegħu, fil-kliem tiegħu. L-Arċisqof Scicluna saħaq li l-Knisja f’Malta hija mpenjata li l-Kelma ta’ Kristu tissarraf dejjem f’kelma sħiħa ta’ sbuħija u ta’ karità.


    Diskors tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    17 ta’ Novembru 2016

    Is-sbuħija ta’ dan it-tempju maestuż ifakkarni li aħna mistednin madwar il-mejda li hija l-mejda tal-Ewkaristija, fejn kulħadd huwa mistieden. “Ħenjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Mulej”.  Din hija l-hena tagħna. Mhux qed jgħid jekk aħniex denji jew le tagħna, għaliex ma aħniex denji, anzi l-ewwel wieħed li jgħidha din huwa l-Isqof.  L-Isqof jgħid: “Jien qaddej tiegħek mingħajr ma jistħoqqli.”  Jiena nirrifletti ħafna fuq din il-ħaġa personali u ngħid: “Ara l-Knisja xxandarni”, u tagħmel sew, imma fl-istess ħin tagħtini l-libertà li kontinwament nitlob maħfra lill-Mulej u anke lill-poplu ta’ Alla. 

    Il-beatitudni mhix qiegħda fil-merti tagħna jew kif tgħid l-iskrittura stess, għax Alla jħares lejn il-qalb mhux lejn is-sbuħija tal-wiċċ (1 Sam 16,7). Il-beatitudni tagħna hija li aħna minn aħna, aħna mistednin.  “Ħenjin dawk li huma mistiedna.” Din hija beatitudni li tagħmlilna kuraġġ. 

    Jien nixtieq nirringrazzja ħafna lil Mons. Lawrence Gatt li niseġ dawn is-siltiet mill-Iskrittura u mill-Liturġija. Għalhekk huwa ‘Oratorju’, għaliex it-test huwa skritturali u liturġiku. Nirringrazzja anke lill-Maestro, li bil-ġenju tiegħu tana interpretazzjoni ġdida u allura anke meditazzjoni ġdida u approfondita fuq din il-Kelma ta’ Alla.

    Kont qed insegwi l-għażliet feliċi li għażel Monsinjur Gatt. Jaf fuqhiex qed jitkellem. Tant snin li b’ubbidjenza lejn l-Arċisqof Mercieca ħadem għad-Dar tal-Providenza wara tant snin, anke bħala rettur tas-Seminarju.  F’dawn in-nisġiet kif stajtu ssegwu, hemm l-għerf tal-Kelma ta’ Alla li tgħidilna kemm hu sabiħ li aħna nkunu flimkien (Salm 132,1-3), li nkunu aħwa flimkien. 

    Id-Dar tal-Providenza hija monument għal dan is-sentiment profond ta’ fraternità inklussiva, li hija glorja tal-Knisja f’Malta. Hija antiċipazzjoni anke tal-enfasi li jagħmel il-Papa Franġisku fil-ġesti kollha tiegħu u fil-kliem tiegħu u l-Knisja f’Malta hija mpenjata li l-kelma ta’ Kristu tissarraf dejjem f’kelma kompleta ta’ sbuħija u ta’ karità.

    Għalhekk jien wkoll nirringrazzjakom tal-appoġġ li tagħtu lid-Dar tal-Providenza, lill-karitajiet kollha li l-Knisja tħaddan f’pajjiżna, biex tkun verament leali lejn dak li ġie fostna bħas- Samaritan it-Tajjeb biex idewqilna l-feriti tagħna, jieħu ħsiebna u jafdalna lid-dar li hija l-Knisja, fejn aħna llkoll niddewwew biż-żejt qaddis tal-maħfra u tal-imħabba bejnietna.

    Grazzi ħafna u grazzi tal-preżenza tagħkom illejla.

     Charles J. Scicluna         
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Dar tal-Providenza, Siġġiewi