Għeżież ħut, l-għodwa t-tajba, merħba!
Illum nerġgħu naqbdu l-katekeżijiet fuq it-tema tad-dixxerniment. Rajna kemm hu importanti naqraw iċ-ċaqliq ta’ ġo fina, biex ma niħdux deċiżjonijiet ta’ malajr, mal-mewġa tal-emozzjoni tal-mument, biex imbagħad jiddispjaċina meta jkun tard wisq. Mela, aħjar naqraw x’inhu jiġri u mbagħad nieħdu d-deċiżjonijiet.
F’dan is-sens, anki l-istat spiritwali li nsejħulu deżolazzjoni, meta fil-qalb kollox ikun mudlam, ta’ diqa, dan l-istat tad-deżolazzjoni jista’ jkun okkażjoni biex nikbru. Fil-fatt, jekk ma jkunx hemm xi ftit nuqqas ta’ sodisfazzjon, xi ftit tad-diqa tajba, ħila sana li ngħixu fis-solitudni u li noqogħdu magħna nfusna mingħajr ma naħarbu, inkunu nirriskjaw li nibqgħu dejjem fil-qoxra tal-affarijiet u ma nidħlu qatt f’kuntatt mal-qalba tal-eżistenza tagħna. Id-deżolazzjoni tipprovoka “theżżiża tar-ruħ”: meta wieħed ikun imdejjaq dan bħallikieku r-ruħ titheżżeż; iżżommna mqajmin, tiffavorixxi s-sahra u l-umiltà, u tipproteġina mir-riħ tal-kapriċċ. Huma kundizzjonijiet indispensabbli għall-progress fil-ħajja, u allura anki fil-ħajja spiritwali.
Serenità perfetta imma “sterili”, bla sentimenti, meta ssir hi l-kriterju ta’ għażliet u mġibiet, tagħmilna diżumani. Aħna ma nistgħux ma nagħtux kas tas-sentimenti: aħna umani u s-sentiment hu parti mill-umanità tagħna; jekk ma nifhmux is-sentimenti nkunu diżumani, jekk ma ngħixux is-sentimenti nkunu wkoll indifferenti għat-tbatija tal-oħrajn u ma nkunux kapaċi nilqgħu tagħna stess. Jekk ma nqisux li din is-“serenità perfetta” ma tistax tilħaqha minn din it-triq tal-indifferenza. Din id-distanza sterili: “Jien ma nindaħalx f’dawn l-affarijiet, inżomm id-distanza”: din mhix ħajja, hekk inkunu qisna qed ngħixu f’laboratorju, magħluqin, biex ma nlaqqtux mikrobi, mard. Għal ħafna qaddisin, l-inkwiet kien spinta deċiżiva biex taw żvolta lil ħajjithom. Din is-serenità artifiċjali, mhix tajba, waqt li t-tajjeb hu l-inkwiet san, il-qalb li m’għandhiex kwiet, il-qalb li tfittex it-triq. Dan kien il-każ, ngħidu aħna, ta’ Wistin ta’ Ippona jew ta’ Edith Stein jew ta’ Ġużeppi Benedittu Cottolengo jew ta’ Charles de Foucauld. L-għażliet importanti għandhom prezz li l-ħajja tippreżenta, prezz li jista’ jħallsu kulħadd: jew aħjar, l-għażliet importanti ma jiġux mil-lotterija, le; għandhom prezz u int trid tħallas dak il-prezz. Huwa prezz li int trid tħallas b’qalbek, hu prezz tad-deċiżjoni, prezz li trid tħallsu b’xi ftit sforz. Mhuwiex gratis, imma hu prezz li kulħadd jiflaħ għalih. Aħna lkoll irridu nħallsu għal din id-deċiżjoni biex noħorġu mill-istat ta’ indifferenza, li jgħaffiġna ’l isfel, dejjem.
Id-deżolazzjoni hija wkoll stedina għall-gratwità, biex ma naġixxux dejjem u biss fid-dawl ta’ gratifikazzjoni emottiva. Li nkunu deżolati joffrilna l-possibbiltà li nikbru, li nibdew relazzjoni iżjed matura, iżjed sabiħa, mal-Mulej u mal-persuni għeżież, relazzjoni li ma tirriduċix ruħha għal sempliċi qsim bejn dak li nagħtu u dak li nirċievu. Ejjew naħsbu fit-tfulija tagħna, ngħidu aħna, naħsbu ftit: meta nkunu għadna tfal, spiss jiġri li nfittxu l-ġenituri tagħna biex jagħtuna xi ħaġa, ġugarell, il-flus biex nixtru ġelat, xi permess… U hekk infittxuhom mhux għalina nfusna, imma għal xi interess li jkollna. Imma l-ikbar don huwa huma, il-ġenituri, u dan nifhmuh ftit ftit aktar ma nikbru.
Imqar ħafna mit-talb tagħna hu xi ftit jew wisq ta’ din ix-xorta, huma talbiet għal favuri lill-
Mulej, mingħajr xi interess veru fil-konfront tiegħu. Immorru nitolbuh, nitolbu, nitolbu lill- Mulej. Il-Vanġelu jinnota li Ġesù spiss kien imdawwar minn tant nies li kienet tfittxu biex tikseb xi ħaġa mingħandu, fejqan, għajnuniet materjali, imma mhux biex sempliċiment toqgħod miegħu. Kien magħfus mill-folol, imma xorta kien waħdu. Xi qaddisin, u anki xi artisti, immeditaw fuq din il-kundizzjoni ta’ Ġesù. Tista’ tidher ħaġa stramba, irreali, li titlob lill-Mulej: “Kif int?”. Imma hu mod sabiħ ħafna kif tidħol f’relazzjoni vera, sinċiera, mal- umanità tiegħu, mat-tbatija tiegħu, anki mas-solitudni unika tiegħu. Miegħu, mal-Mulej, li ried jaqsam sa ġewwa nett il-ħajja tiegħu magħna.
Jagħmlilna ħafna ġid nitgħallmu noqogħdu miegħu, noqogħdu mal-Mulej mingħajr xi skop ieħor, eżattament kif nagħmlu mal-persuni li nħobbu: nixtiequ nsiru nafuhom dejjem iżjed, għax hu sabiħ li noqogħdu magħhom.
Għeżież ħuti, il-ħajja spiritwali mhijiex teknika għad-dispożizzjoni tagħna, mhijiex programm ta’ “benessri” interjuri li f’idejna biex nipprogrammawh. Le. Il-ħajja spiritwali hi r-relazzjoni mal-Ħaj, ma’ Alla, il-Ħaj, li ma nistgħux nirriduċuh għall-kategoriji tagħna. U d- deżolazzjoni allura hi t-tweġiba l-iżjed ċara għall-oġġezzjoni li l-esperjenza ta’ Alla qiegħda biex nissodisfaw lilna nfusna, sempliċi projezzjoni tax-xewqat tagħna. Id-deżolazzjoni hi li ma tħoss xejn, kollox mudlam: imma int qed tfittex lil Alla qalb id-deżolazzjoni. F’dan il-każ, jekk naħsbu li hi projezzjoni tax-xewqat tagħna, inkunu dejjem aħna li qed nipprogrammawha, inkunu dejjem ferħanin u kuntenti, bħal diska li tirrepeti l-istess mużika.
Imma min jitlob jintebaħ li l-eżitu hu imprevedibbli: esperjenzi u siltiet tal-Bibbja li spiss ħeġġewna, illum, ħaġa tal-għaġeb, ma jqanqlu fina xejn. U bl-istess mod mhux mistenni, esperjenzi, laqgħat u qari li qatt ma tajna kashom jew li konna nippreferu nevitaw – bħall-esperjenza tas-salib – iġibulna paċi bla qies. La tibżax mid-deżolazzjoni, ibqa’ ġorrha b’perseveranza, la taħrabx. U fid-deżolazzjoni fittex ħa ssib il-qalb ta’ Kristu, issib lill-Mulej. U t-tweġiba tasal, dejjem.
Quddiem id-diffikultajiet, qatt taqta’ qalbek, nitolbok, imma affronta l-prova b’determinazzjoni, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla li qatt ma tonqosna. U jekk nisimgħu ġewwa fina vuċi insistenti li trid tfixkilna mit-talb, ejjew nitgħallmu nikxfulha l-maskra bħala l-vuċi tat-tentatur; u ma nħalluhiex timpressjonana: sempliċiment, nagħmlu proprju bil-maqlub ta’ dak li qed tgħidilna! Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard