Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Mt 4:12-23) jirrakkonta s-sejħa tal-ewwel dixxipli li ħdejn l-għadira tal-Galilija, jitilqu kollox biex imorru wara Ġesù. Xi wħud minnhom kienu diġà ltaqgħu miegħu permezz ta’ Ġwanni l-Battista, u Alla nissel fihom iż-żerriegħa tal-fidi (ara Ġw 1:35-39). U issa Ġesù jerġa’ lura jfittixhom, hemm, fejn jgħixu u jaħdmu. Il-Mulej ifittixna dejjem; il-Mulej dejjem joqrob lejna, dejjem. U did-darba jagħmlilhom sejħa diretta: “Ejjew warajja! (Mt 4:19). U huma “telqu x-xbiek minnufih u marru warajh” (v. 20). Nieqfu fuq dix-xena: hu l-waqt tal-laqgħa deċiżiva ma’ Ġesù, dik li kellhom jibqgħu jiftakruha għomorhom kollu u li nsibuha fl-Evanġelju. Minn dak il-waqt huma segwew lil Ġesù, u biex imorru warajh, ‘ħallew kollox’.

Ħallew biex isegwu. Ma’ Ġesù dejjem hekk. B’xi mod bniedem jista’ jġarrab is-seħer tiegħu, forsi wkoll bis-saħħa ta’ ħaddieħor. Imbagħad l-għarfien jista’ jsir personali u jkebbes dawl fil-qalb. Isir ħaġa sabiħa li tinqasam mal-oħrajn: “Tafx, dak il-pass tal-Evanġelju laqatni, dik l-esperjenza ta’ servizz missitni”. Xi ħaġa li tmisslek qalbek. U x’aktarx hekk ġralhom l-ewwel dixxipli (ara Ġw 1:40-42). Imma xi ħin jew ieħor jasal il-waqt, li fih ikollna nħallu xi ħaġa biex immorru warajh (ara Lq 11:27-28). U f’dak il-waqt trid tittieħed deċiżjoni: inħalli warajja xi ċertezzi u nimbarka fuq avventura ġdida, inkella nibqa’ fejn jien, kif jien? Hu waqt deċiżiv għal kull Nisrani, għax hawnhekk hemm fin-nofs is-sens tal-bqija kollu. Jekk ma nsibux il-kuraġġ li nibdew il-mixja, hemm ir-riskju li nibqgħu biss spettaturi tal-eżistenza tagħna u ngħixu l-fidi bin-nofs.

Li tibqa’ ma’ Ġesù, għalhekk, jitlob minna l-kuraġġ li nħallu xi ħaġa warajna u nibdew nimxu. X’inhu li rridu nħallu? Żgur il-vizzjijiet tagħna, dnubietna, li huma ċimi li jorbtuna max-xatt u ma jħalluniex naqdfu ’l barra.  iex nibdew “inħallu” hu sewwa li nibdew billi nitolbu maħfra: maħfra ta’ dak kollu li ma kienx sabiħ: inħalli warajja dak u nibqa’ miexi ’l quddiem. Iżda jeħtieġ ukoll inħallu warajna dak li jżommna lura milli ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha, pereżempju l-biżgħat, il-kalkoli egoistiċi, il-garanziji biex ikollna moħħna mistrieħ u ngħixu bl-imqita. U hemm bżonn niċċaħħdu wkoll miż-żmien li naħlu niġru wara ħwejjeġ inutli. Kemm hu sabiħ li nħallu dak kollu warajna biex ngħixu, pereżempju, ir-riskju diffiċli, li iżda hu ta sodisfazzjon, tas-servizz, jew biex niddedikaw ħin għat-talb, ħalli hekk insaħħu l-ħbiberija tagħna mal-Mulej. Tiġini f’moħħi wkoll familja żagħżugħa, li tħalli warajha ħajja komda biex tinfetaħ għall-avventura imprevedibbli u mill-isbaħ tal-maternità u tal-paternità. Hu sagrifiċċju, imma biżżejjed ħarsa lejn it-tfal biex jifhmu li kien sew li abbandunaw ċerti ritmi ta’ kumdità biex ikollhom dan il-ferħ. Jiġuni f’moħħi wkoll ċertu professjonijiet, pereżempju it-tabib jew operatur tas-saħħa, li ċċaħdu minn ħafna ħin liberu biex jistudjaw u jħejju ruħhom, u issa jagħmlu l-ġid billi jqattgħu sigħet twal tal-ġurnata u tal-lejl, ħafna enerġiji fiżiċi u mentali, biex jieħdu ħsieb il-morda. Jiġuni f’moħħi wkoll il-ħaddiema li jħallu l-kumditajiet, li jinsew il-ħajja tal-għażż, biex iġibu l-ħobż id-dar. Insomma, biex niksbu l-ħajja jeħtieġ naċċettaw l-isfida li nħallu warajna affarijiet oħra. Għal dan jistieden lil kull wieħed u waħda minna llum Ġesù.

U b’dan irrid inħallilkom xi mistoqsijiet. Qabel kollox: niftakar xi “mument qawwi” li fih diġà ltqajt ma’ Ġesù? Kull wieħed u waħda minna niftakru fl-istorja tagħna: f’ħajti kien hemm xi waqt qawwi li fih iltqajt ma’ Ġesù? U f’xi ħaġa ta’ tifsir kbir u ta’ sinifikat li ġrat f’ħajti għax ħallejt warajja affarijiet anqas importanti? U llum, hemm xi ħaġa li Ġesù qed jitlobni nirrinunjza għaliha? Liema huma l-ħwejjeġ materjali, il-mod kif naħseb, id-drawwiet li għandi bżonn ninsa biex verament ngħidlu “iva”? Tgħinna Marija ngħidu bħalha, iva sħiħa lil Alla, u biex nagħrfu nħallu warajna xi ħaġa biex nimxu warajh aħjar. Tibżgħux tinsew lilkom infuskom biex issegwu lil Ġesù, dejjem insibu li nħossuna aħjar u nkunu aħjar.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Dat-tielet Ħadd taż-żmien ordinarju hu dedikat b’mod speċjali għall-Kelma t’Alla. Ejjew niskopru mill-ġdid bi stagħġib il-fatt li Alla jkellimna, partikolarment permezz tal-Kotba Mqaddsa. Naqrawhom, nistudjawhom, nimmeditawhom, nitolbu bihom. Naqraw kuljum silta mill-Bibbja, speċjalment mill-Evanġelju: hemmhekk Ġesù jkun qed ikellimna, idawwalna, imexxina. U nfakkarkom dak li għidt drabi oħra: żommu ktieb żgħir tal-Evanġelju fuqkom, ġorruh fil-basket tagħkom, dejjem fuqkom; u kull meta ssibu ċans tul il-ġurnata, aqraw xi ħaġa mill-Evanġelju. Ikun Ġesù li jkun jakkumpanjana. Ktejjeb tal-Evanġelju, dejjem fuqna.

Illum nixtieq noffri xewqat ta’ paċi u kull ġid lil kull min fil-Lvant Imbiegħed u f’inħawi oħra tad-dinja qed jiċċelebra l-Ewwel tas-Sena tal-Qamar. F’diċ-ċirkostanza ta’ ferħ, madankollu, ma nistax ma nesprimix il-qrubija spiritwali tiegħi lejn dawk li għaddejjin minn waqtiet ta’ prova minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, bit-tama li d-diffikultajiet ta’ issa jkunu megħluba malajr. Fl-aħħar nawgura li l-ġentilezza, is-sensibbiltà, is-solidarjetà u l-armonija, li jġarrbu f’dal-ġranet il-familji miġburin flimkien skont it-tradizzjoni, ikunu dejjem jistgħu jirfdu u jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet familjari u soċjali biex inkunu nistgħu ngħixu ħajja hienja u ferħana. Is-Sena t-Tajba.

B’niket ħsiebi jdur b’mod partikolari lejn il-Myanmar fejn il-Knisja tas-Sinjura Tagħna Mtellgħa s-Sema fil-villaġġ ta’ Chan Thar, wieħed mill-imkejjen ta’ kult l-aktar antik u importanti tal-pajjiż, ingħatat in-nar. Jien qrib il-popolazzjoni ċivili bla difiża li f’ħafna postijiet għaddejja minn prova iebsa. Jalla l-Mulej jagħmel li dal-kunflitt jieqaf bla dewmien u jibda żmien ġdid ta’ maħfra, imħabba u paċi. Nitolbu flimkien lill-Madonna għall-Myanmar… (Sliema għalik, Marija…).

Minbarra dan nistedinkom titolbu sabiex tieqaf il-vjolenza fil-Perù. Il-vjolenza titfi t-tama ta’ soluzzjoni ġusta tal-problemi. Inħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jibdew it-triq tad-djalogu bejn l-aħwa tal-istess nazzjon, b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet umani u tal-istat tad-dritt.  Ningħaqad mal-Isqfijiet Peruvjani u ngħid magħhom: Le għall-vjolenza ġejja mnejn hi ġejja!  Xejn aktar imwiet! Qed nara li hawn xi Peruvjani fil-pjazza!

Mill-Kamerun qed jaslu sinjali pożittivi li jagħtu tama li jsir progress ħalli jkun hemm soluzzjoni għall-kunflitt tar-reġjuni Anglofoni. Inħeġġeġ lill-partijiet kollha li ffirmaw il-ftehim biex jinsistu jimxu fit-triq tad-djalogu u jifhmu aħjar lil xulxin, għax hu biss permezz tal-laqgħa li bniedem jista’ jfassal proġetti għall-ġejjieni.

Nagħti t-tislima tiegħi lilkom ilkoll li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra. Insellem lill-pellegrini minn Spalato, Varsavja – hawn bosta Pollakki, qed nara l-bnadar – u Mérida-Badajoz (Spanja), kif ukoll lil dawk minn Ascoli Piceno, Montesilvano u Gela, il-grupp mill-iskola Angelo Custode minn Alessandria, dak tal-Gioventù Ardente Mariana minn Ruma u lill-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Psikoloġija Kattolika.

F’dal-ġranet, filwaqt li nitolbu b’mod partikolari għall-għaqda sħiħa bejn l-Insara kollha, ma ninsewx, jekk jogħobkom, nitolbu bil-ħrara għall-paċi fl-Ukrajna flaġellata: il-Mulej ifarraġ u jwieżen lil dak il-poplu li qed ibati bla qies! Bla qies!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Lill-adoloxxenti tal-Immacolata wkoll. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci.