L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha” (Iż 56:7). Din hija l-profezija minn Iżaija li qrajna llum u li tixraq ħafna wkoll għal din l-okkażjoni li fiha qegħdin niċċelebraw il-50 anniversarju mit-tberik ta’ din il-knisja. Hija dar it-talb, hija dar il-Mulej. U tissejjaħ hekk għall-popli kollha.

Fid-dawl tal-Evanġelju li għadna kemm smajna, nifhmu li meta Isaija jifhem: “il-popli kollha” qed jinkludi mhux biss lil ħutu l-Lhud imma wkoll lil dawk li ġejjin mill-ġnus. Ġesù llum iltaqa’ ma’ mara mill-ġnus, mara li ma kenitx Lhudija, mara Kagħnanija minn dawk l-inħawi ta’ Tir u Sidon, fejn illum hemm il-Lebanon. U din, ta’ omm li hi, tinkwieta għax it-tifla tagħha għandha xi marda. Lil Ġesù tgħidlu: “għandha fiha xitan, magħdura ħafna” (Mt 15:22).

Interessanti nifhmu li l-Mulej f’dan l-episodju, ma jkeċċix lix-xitan imma l-Evanġelju stess jgħidilna li t-tifla fieqet (ara Mt 16:28). U din iġegħilna naħsbu li għalkemm l-omm qed issemmi li bintha għandha fiha xitan u magħdura ħafna, x’aktarx kienet iżjed kwistjoni ta’ mard mentali. Ġesù eżorċizza u keċċa x-xjaten minn nies imma f’dan il-każ jagħti l-fejqan. L-omm titkellem dwar influss malefiku tax-xitan imma l-Mulej jifhem li x’aktarx it-tifla tagħha qiegħda tbati minn xi marda mentali għax dak iż-żmien il-mard mentali kien ukoll attribwit kollu lill-infussi sataniċi. Illum nafu ftit iżjed dwar kif jaħdem il-moħħ u kif kultant ma jaħdimx ukoll.

Allura, fid-dawl ta’ dan l-Evanġelju, nixtieq li nagħmlu talba partikolari għal min huwa vittma ta’ xi mard mentali. Aħna, ħafna drabi din il-kategorija ta’ mard għalina hu tabù imma llum flimkien mal-mara Kagħnanija, tajjeb li nwasslu quddiem Ġesù liż-żgħażagħ tagħna, il-familjari tagħna, il-ħbieb tagħna, lil dawk kollha li għandhom xi mument ta’ mard jew diffikultà fis-saħħa mentali tagħhom.

Hemm bżonn li nibdew nifhmu li din hija xi ħaġa li tiġi fuqek u ma tavżakx u li hemm ukoll il-kura; u għandna bżonn inkunu ta’ sapport għal xulxin. Illum nitolbu ħafna wkoll għal dawk li jistudjaw f’dan il-qasam, li joffru terapija, għal dawk l-NGOs li qed jiddedikaw ruħhom biex ikollna risposta dinjituża, adegwata għas-saħħa mentali u għall-mard mentali.

Imma nixtieq ukoll nitkellem dwar is-silenzju ta’ Ġesù għax aħna midħla tiegħu dan is-silenzju. Min jaf kemm-il darba f’ħajjitna nitolbuh xi ħaġa, imbagħad wara ftit ’il Mulej ngħidulu: ‘Imma inti ttarraxt, jekk jogħġbok, Sinjur, m’għadekx tisma’? Għax ili nitolbok u qisek m’intix qed tismagħni’. U ngħaddu mill-esperjenza li għaddiet minnha wkoll din l-omm, dil-mara Kagħnanija li tinsisti ma’ Ġesù: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David” (Mt 15:22).

U aħna s-silenzju ta’ Ġesù – għax nafuh sew lil Ġesù minn dak li jgħidulna l-Evanġelji – ma nifhmuhx. Hu ma weġibhiex kelma. Id-dixxipli jifhmu li din se tibqa’ tinsisti imma aħna rridu nifhmu wkoll li l-omm għal bintha se tagħmel kollox. Mhux hekk nagħmlu aħna? Mhux hekk tagħmlu intom għal uliedna? Nagħmlu kollox.

U tibqa’ tinsisti. Tifhem u taf li dan ir-raġel, mastrudaxxa minn Nazaret, huwa iżjed minn hekk. Issejjaħlu: “Mulej, Bin David”. (U r-risposta ta’ Ġesù) Id-dixxipli jgħidulu: “Eħles minnha, agħmlilha xi ħaġa ħalli tħallina bil-kwiet” (ara Mt 15:23). Ir-risposta ta’ Ġesù hija misterjuża u hemm bżonn nifhmuha. Jgħidilhom:”Jien ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” (Mt 15:24).

Illum nitolbu ħafna wkoll għal dawk li jistudjaw f’dan il-qasam, li joffru terapija, għal dawk l-NGOs li qed jiddedikaw ruħhom biex ikollna risposta dinjituża, adegwata għas-saħħa mentali u għall-mard mentali.

F’dan il-mument partikolari fl-Evanġelju ta’ San Mattew, Ġesù jifhem li l-missjoni li tah Missieru hija li jreġġa’ lura l-imxerrdin, il-mitlfufin ta’ Iżrael. Imma din il-mara Kagħnanija li mhix Lhudja tisforza lil Ġesù biex iwessa’ l-missjoni tiegħu. U lilna għamlitilna pjaċir kbir għax aħna wkoll ma ġejniex mil-Lhud – almenu missirijietna li ltaqgħu ma’ San Pawl – imma kien minħabba dan l-intervent ta’ Ġesù, ir-risposta li fl-aħħar jagħti quddiem il-fidi ta’ din il-mara Kananja li mhix Lhudija, li l-Mulej jirrealizza li wasal il-mument li l-messaġġ tiegħu jmur lil hemm min-nagħaġ mitlufa ta’ Iżrael. U tibda sseħħ fih dak li qalilna Isaija fil-profezija tiegħu: “Dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha” (Iż 56:7), mhux għal-Lhud biss, għall-popli kollha!

Kemm huma sbieħ it-talbiet ta’ din l-omm. Ta’ min nitgħallmuhom u nirrepetuhom. “Ħenn għalija, Mulej, Bin David” (Mt 15:22). Kemm hi talba sabiħa. “Ħenn għalija, Mulej Bin David”. Imbagħad tibqa’ tinsisti u tgħidlu b’żewġ kelmiet: “Għinni, Mulej” (Mt 15:25). U Ġesù jerġa’ jgħaddiha minn test ieħor. Issa mhux is-silenzju, jisfidaha jgħidilha: “Inti oqgħod f’postok, jekk jogħġbok, inti m’intix Lhudija. Il-ħobż għal-Lhud” (ara Mt 15:24.26). Imma hi, mhux biss għandha l-qalb ta’ omm li tinsisti, imma tgħallimna x’inhi l-vera umiltà. Tgħidlu: “Imma jien mhux il-ħobż qed nitolbok, erba’ farkiet, ftit frak” (ara Mt 15:27). U hemm Ġesù nimmaġinah iċedi. Jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira” (Mt 15:28).

U ħin minnhom Ġesù jagħmel xi ħaġa li qatt ma għamilha qabel. Innutaw ir-risposta ta’ Ġesù. Ma jgħidilhiex: ‘Bintek tfieq’ imma jgħidilha: “Ħa jsirlek kif tixtieq” (Mt 15:28). Ix-xewqa tal-omm għal Ġesù ssir kmand. Ġesù jgħidilha: ‘Mela jien nobdi lilek, ħa nagħmel dak li tixtieq inti’. Kien hemm qaddisa li hija patruna tal-Ewropa, Santa Katerina ta’ Siena, Dumnikana, li lil Ġesù fid-djalogi tagħha kienet tgħidlu: “Agħmel li ngħidlek jien għax jien irrid dak li trid inti”.

U allura Ġesù, quddiem din l-umiltà, quddiem din il-fiduċja, jagħmel dak li tassew wieħed jixtieq. Issa jiena din il-mara Kagħnanija ma nafx jekk fost ix-xewqat tagħha li seħħu – għax hekk qalilha: “isirlek kif tixtieq” – ma nafx jekk kienx hemm li tirbaħ il-lotterija wkoll, forsi ma kienx hemm lotteriji dak iż-żmien. Ma nafx xi xtaqet iżjed, imma Ġesù jgħidilha: “Isirlek kif tixtieq”. Żgur l-Evanġelju jgħidilna: “Dak il-ħin stess bintha fieqet” (Mt 15:28).

Illum nixtieq li nressqu, f’din il-knisja ddedikata lill-Madonna tal-Bon Kunsill, lill-mama ta’ Ġesù, liż-żgħażagħ tagħna. Kultant niltaqa’ ma’ ġenituri inkwetati fuq uliedhom. Ejjew ningħaqdu lkoll ma’ din il-mara Kagħnanija u nirrepetulu dawk iż-żewġ talbiet tagħha: “Ħenn għalija, Mulej Bin David”, “Għinni, Mulej”. U bl-umiltà tagħna li nikkuntentaw bil-frak għaliex ikun biżżejjed għalina, il-Mulej jagħmel li nixtiequ. Aħna ħafna drabi, b’mod speċjali aħna l-Kattoliċi, meta ngergu mal-Mulej donnu hemm fina din l-idea: ‘isma’, aħna niġu l-knisja, lill-patri ngħinuh, lill-kappillan ukoll, meta jkun hemm maratona fuq it-television inċempel, allura lili m’intix se taqdi? Lili m’intix se tgħin? Mhux ta’ min nitgħallmu naqra mill-mara Kagħnanija li tgħidlu: “Isma’, inti għamel inti, jiena bi ftit frak ninqeda”. U r-risposta tal-Mulej taf x’se tkun meta jara l-umiltà tagħna, l-aħwa? “Mur, il-fidi tiegħek kbira, isirlek kif tixtieq” (Mt 15:28).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 56:1,6-7
Salm: 66 (67):2-3,5,6,8
Qari II: Rum 11:13-15,29-32
L-Evanġelju: Mt 15:21-28

Aktar ritratti