Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!’

L-Evanġelju tal-lum jirrakkonta l-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara Kangħanija, ‘il barra mit-territorju ta’ Iżrael (cfr Mt 15,21-28). Hi titolbu jeħles lil bintha li kienet itturmentata mix-xitan, iżda l-Mulej ma jagħtihiex widen. Hi tinsisti u d-dixxipli jagħtuh parir biex jaqtgħalha xewqtha ħalli tieqaf, iżda Ġesù jispjega li l-missjoni tiegħu kienet destinata għal ulied Iżrael u juża dit-tixbiha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. U l-mara kuraġġuża twieġeb: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”. Allura Ġesù jgħidilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. “U minn dak il-ħin stess bintha fieqet” (vv. 26-28). Storja sabiħa din! U dan ġara lil Ġesù.

Naraw li Ġesù jibdel l-atteġġjament tiegħu, u dan iseħħ bis-saħħa tal-fidi ta’ dik il-mara. Allura, ejjew nieqfu ftit fil-qosor dwar dawn iż-żewġ aspetti: Kif inbidel Ġesù u l-fidi tal-mara.

Il-bidla f’Ġesu. Hu kien qed jipprietka lill-poplu l-magħżul; wara, imbagħad l-Ispirtu s-Santu kellu jifrex il-Knisja sat-truf tad-dinja Iżda hawnhekk seħħet anitiċipazzjoni li minħabba fiha fl-episodju tal-Kangħanija diġà tidher l-universalità tal-opra t’Alla. Din id-disponibbiltà ta’ Ġesù hi interessanti: quddiem it-talb ħerqan tal-mara “jantiċipa l-pjan”, quddiem dal-każ konkret isir aktar kompjaċenti u jħoss aktar kumpassjoni. Hekk hu Alla: huwa mħabba, u min iħobb ma jibqax riġidu. Iva, jibqa’ sod, imma mhux riġidu. Ma jibqax imwaħħal mal-pożizzjonijiet tiegħu, imma jħossu mqanqal u jħenn: jaf jibdel il-programmi tiegħu. L-imħabba hi kreattiva, u aħna l-insara, jekk irridu nimitaw lil Kristu, mistednin inkunu lesti biex ninbidlu. Kemm jagħmel tajjeb lir-relazzjonijiet tagħna, imma wkoll fil-ħajja tal-fidi, li nkunu doċli, verament nagħtu widen, inkunu aktar ħelwin f’isem il-kompassjoni u l-ġid tal-oħrajn, kif għamel Ġesù mal-Kangħanija. Id-doċilità biex ninbidlu. Qlub doċli biex isseħħ il-bidla.

Allura ejjew naraw ftit il-fidi tal-mara, li l-Mulej ifaħħarha u jgħid li hi “kbira” (v. 28). Għad-dixxipli l-unika ħaġa kbira hi l-insistenza tagħha, iżda Ġesù jara l-fidi. Jekk naħsbu sewwa, dik il-mara stranġiera probabbilment ftit kienet taf, jew forsi ma kellha ebda ħjiel tal-liġijiet u l-preċetti reliġjużi ta’ Iżrael. Allura fiex tikkonsisti l-fidi tagħha? Hi mhix għanja fil-kunċetti, imma fil-fatti: il-Kangħanija tersaq, tinxteħet quddiemu, tinsisti, tidħol fi djalogu sfiq ma’ Ġesù, tegħleb kull ostaklu, basta tkellmu. Din hi l-konkretezza tal-fidi, li mhix tikketta reliġjuża, imma relazzjoni personali mal-Mulej. Kemm drabi naqgħu fit-tentazzjoni li l-fidi naħsbuha tikketta! Il-fidi tal-mara mhix magħmula minn xi ġabra ta’ regoli ta’ mġieba teoloġika tajba, imma mill-insistenza: tħabbat il-bieb, tħabbat, tħabbat; mhux tlablib imma talb. U Alla ma jissaportix meta jisma’ t-talb. Għalhekk qal: “Itolbu u taqalgħu, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom” (Mt 7,7).

Ħuti, fid-dawl ta’ dan kollu nistgħu nagħmlu ftit mistoqsijiet lilna nfusna. Ibda mill-bidla li seħħet f’Ġesù, per eżempju: jien għandi ħila nibdel opinjoni? Naf nifhem, nissimpatizza, u naf inkun ħanin, jew nibqa’ riġidu, imwaħħal mal-pożizzjonijiet tiegħi? F’qalbi hemm xi riġidità? Li mhix sodizza: ir-riġidità kerha, imma hu tajjeb li tkun sod. U ibda mill-fidi tal-mara: kif inhi l-fidi tiegħi? Marbuta biss mal-kunċetti u l-kliem, jew ngħixha verament bit-talb u l-azzjoni? Naf niddjaloga mal-Mulej, naf ninsisti miegħu jew nikkuntenta b’xi talba sabiħa? Il-Madonna tagħmilna disponibbli għat-tajjeb u konkreti fil-fidi.

Sors: laikos.org