Għeżież ħuti,
Illum nagħlqu s-serje ddedikata liż-żelu appostoliku, li fiha ħallejna tnebbaħna l-Kelma ta’ Alla biex tgħinna nrawmu fina l-passjoni għat-tħabbira tal-Vanġelu. U din ħaġa li tmiss lil kull Nisrani. Ejjew naħsbu fil-fatt li fil-Magħmudija ċ-ċelebrant, waqt li jmiss il-widnejn u l-fomm tal-imgħammed, jgħid: “Sidna Ġesù, li ta s-smigħ lit-torox u l-kelma lill-imbikkmin, jagħti lilek ukoll il-grazzja li ma ddumx ma tisma’ b’widnejk il-kelma tiegħu u tilqagħha, u tistqarr b’fommok il-fidi tiegħek biex tfaħħar u ssebbaħ lil Alla l-Missier”.
U smajna l-ħaġa tal-għaġeb li għamel Ġesù. L-evanġelista Marku jfisser sew il-post li fih seħħ dan: “Lejn il-baħar tal-Galilija…” (Mk 7:31). X’għandhom komuni bejniethom dawk it-territorji? Il-fatt li fihom jgħixu fil-biċċa l-kbira l-pagani. Ma kinux territorji li fihom kienu joqogħdu Lhud, imma fil-biċċa l-kbira pagani. Id-dixxipli ħarġu ma’ Ġesù, li kapaċi jiftaħ il-widnejn u l-fomm, jiġifieri l-fenomenu tal-mutiżmu ta’ min hu trux, li fil-Bibbja hu wkoll metaforiku u jfisser l-għeluq għas-sejħa ta’ Alla. Hemm truxija fiżika, imma fil-Bibbja dak li hu trux għall-kelma ta’ Alla huwa mutu, ma jikkomunikax il-Kelma ta’ Alla.
Hemm sinjal ieħor indikattiv: il-Vanġelu jagħtina l-kelma deċiżiva ta’ Ġesù bl-Aramajk, effatà, li tfisser “infetaħ”. Li jinfetħu l-widnejn, li jinħall l-ilsien hija stedina li ssir mhux tant lit-trux u mutu, li ma setax jisimgħu, imma proprju lid-dixxipli ta’ dak iż-żmien u ta’ kull żmien. Aħna wkoll, li rċivejna l-effatà tal-Ispirtu tal-Magħmudija, aħna msejħin ninfetħu. “Infetaħ”, jgħid Ġesù lil kull min jemmen u lill-Knisja tiegħu: infetaħ għax il-messaġġ tal-Vanġelu għandu bżonn tiegħek biex tingħata xhieda tiegħu u jiġi mħabbar! U dan iġagħalna naħsbu wkoll fl-atteġġjament ta’ Nisrani: in-Nisrani għandu jkun miftuħ għall-Kelma ta’ Alla u għall-qadi tal-oħrajn. L-Insara magħluqin jispiċċaw ħażin, dejjem, għax mhumiex Insara, huma ideoloġiji, ideoloġiji tal-għeluq. In-Nisrani għandu jkun miftuħ għat-tħabbira tal-Kelma, għal-laqgħa tal-aħwa. U għalhekk, din l-effatà, din l-“infetaħ”, hija stedina għalina lkoll biex ninfetħu.
Anki fi tmiem il-Vanġeli, Ġesù jħallilna x-xewqa missjunarja tiegħu: morru lil hemm, morru irgħu, morru pprietkaw il-Vanġelu.
Ħuti, ejjew inħossuna lkoll imsejħa, bħala mgħammdin, biex nagħtu xhieda u nħabbru lil Ġesù. U nitolbu l-grazzja, bħala Knisja, li nagħrfu nwettqu konverżjoni pastorali u missjunarja. Il-Mulej fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija staqsa lil Pietru jekk kienx iħobbu u mbagħad talbu jirgħa n-nagħaġ tiegħu (ara vv. 15-17). Aħna wkoll irridu nistaqsu lilna nfusna, kull wieħed u waħda minna jistaqsi lilu nnifsu, nistaqsu: jien tassew inħobb lill-Mulej, sal-punt li rrid inħabbru? Irrid insir xhud tiegħu, jew jien kuntent li nkun biss dixxiplu tiegħu? Għandi għal qalbi l-persuni li magħhom niltaqa’, neħodhom għand Ġesù fit-talb? Nixtieq nagħmel xi ħaġa biex il-ferħ tal-Vanġelu, li bidel il-ħajja tiegħi, jagħmel isbaħ il-ħajja tagħhom? Ejjew naħsbu f’dan, naħsbu f’dawn il-mistoqsijiet u nibqgħu mexjin ’il quddiem bix-xhieda tagħna.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard