Il-Mixja Neokatekumenali ċċelebrat il-50 sena tagħha f’Malta, li bdiet mill-Parroċċa tal-Kunċizzjoni tal-Ħamrun u matul iż-żmien infirxet f’diversi parroċċi madwar Malta.

F’intervista ma’ Gabriel Lia fuq il-programm What’s On Newsbook fuq RTK103, Luke Vella, seminarista u wieħed mill-aħwa tal-Mixja Neokatekumentali, esprima s-sodisfazzjon biċ-ċelebrazzjoni li kellhom u tkellem dwar il-bidu tal-Mixja f’Malta.

Hu saħaq li permezz ta’ din il-Mixja jersqu bosta nies lejn il-knisja li “mhux neċessarjament kienu viċin il-Knisja, anzi kienu ‘l bogħod u llum huma xhieda ħajja ta’ Kristu”, filwaqt li ġie spjegat li Neokatekumenali tfisser bidu ġdid għal individwi li huma diġà katekumeni.

Vella qal li l-bidu tal-Mixja Neokatekumenali taf lill-artist Spanjol Kiko Argüello li skopra lil Alla wara li għadda minn kriżi eżistenzjali u mexa fuq il-passi ta’ Charles de Foucald, “allura mar qalb il-fqar, il-kriminali, il-prostituti, nies ‘il bogħod mill-Knisja f’Madrid, litteralment kien jgħix magħhom u miegħu ħa biss il-Bibbja u l-kitarra. Kienu huma li talbuh biex jagħtihom milli għandu, u proprju fil-faqar tiegħu bdew din il-mixja, f’tant faqar, nies li kienu ‘l bogħod minn Kristu, ‘il bogħod mill-ferħ u ‘l bogħod mill-Knisja”.

Intant, Vella qal li llum din il-mixja ma tikkonsisti minn l-ebda rit ġdid għaliex bl-għerf tat-teologa Carmen Hernández ġiet imfassla fuq dak li kellhom l-Insara fl-ewwel sekli tal-knisja, u għalhekk l-iskop tagħha huwa li nifhmu xi jrid minna l-Mulej Ġesù.

Issemmew ukoll l-arti, is-simboli u l-mużika meħuda mill-iskirittura u minn talb ieħor, li jinsabu fil-qalba tal-Mixja Neokatekuminali u Vella qal li “dan hu mod li bih nersqu lejn il-Mulej għax ikellimna b’mod sabiħ”.

Vella qal li l-ħidma fis-soċjetà Maltija tinvolvi proċess twil ma’ diversi familji, saċerdoti u individwi oħrajn biex b’hekk “nibnu soċjetà bla ma jidher u dawn jidhru differenti minn nies oħra li jagħżlu li jgħixu skont l-għażliet tagħhom” u semma lil wieħed mill-Isqfijiet preżenti, Mons. Peter Baldacchino, li ġej mill-ewwel familja li laqgħet il-mixja hawn Malta.

Hu semma wkoll li l-Mixja għandha diversi seminarji madwar id-dinja li qed jgħinu persuni jegħlbu diversi vizzji fosthom anke dak tal-pornografija.

Lia staqsieh ukoll dwar iċ-ċelebrazzjoni sabiħa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru li għal Vella kienet ta’ testimonjanza kbira. L-awgurju tal-Arċisqof Charles Scicluna lil aħwa tal-Mixja kien, “Jalla tkunu mhux biss żerriegħa ta’ tama fil-Knisja, f’Malta u fid-dinja, imma tkunu ‘dawl għall-ġnus, glorja ta’ Iżrael’”.

Segwi l-intervista sħiħa dwar il-Mixja Neokatekumenali hawnhekk:

Sors: Newsbook.com.mt