Katekeżi. Il-vizzji u l-virtujiet. 21. L-umiltà

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Nagħlqu dan iċ-ċiklu ta’ katekeżijiet billi nieqfu fuq virtù li ma tagħmilx parti mis-settenarju ta’ dawk kardinali u teologali, imma li hi fil-bażi tal-ħajja Nisranija: din il-virtù hija l-umiltà. Din hi l-ikbar antagonista tal-iktar mortali qalb il-vizzji, jiġifieri s-suppervja. Waqt li l-kburija u s-suppervja jonfħu lill-qalb tal-bniedem, u jagħmluna nidhru iktar minn dak li aħna, l-umiltà terġa’ tqiegħed kollox fid-dimensjoni t-tajba: aħna ħlejjaq tal-għaġeb imma limitati, bi preġji u difetti. Il-Bibbja sa mill-bidu tfakkarna li aħna trab u trab għad nerġgħu nsiru (ara Ġen 3:19). Fil-fatt, “umli” ġejja minn humus, jiġifieri l-art. Imma fil-qalb tal-bniedem spiss ifeġġu dellirji ta’ omnipotenza, tant perikolużi, u dan jagħmlilna wisq ħsara.

Biex neħislu mis-suppervja ma hemmx bżonn wisq, biżżejjed nikkontemplaw sema mimli kwiekeb biex nerġgħu nsibu l-kejl it-tajjeb, kif jgħid is-Salm: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?” (8:4-5). Ix-xjenza moderna tippermettilna nwessgħu x-xefaq wisq u wisq iktar, u li nħossu iktar il-misteru li jdawwarna u jgħammar fina.

Henjin dawk li jħarsu f’qalbhom din il-perċezzjoni taċ-ċokon tagħhom infushom! Dawn il-persuni huma mħarsin minn vizzju ikrah: l-arroganza. Fil-Beatitudnijiet tiegħu, Ġesù jitlaq proprju minn dan: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 5:3). Din hija l-ewwel Beatitudni għax tinsab fil-pedament ta’ dawk li jiġu warajha: fil-fatt il-qalb ħelwa, il-ħniena, is-safa tal-qalb jinbtu minn dak is-sens interjuri taċ-ċkunija. L-umiltà hija l-bieb tal-ftuħ għall-virtujiet kollha.

Fl-ewwel paġni tal-Vanġeli, l-umiltà u l-faqar tal-ispirtu jidhru bħala l-għajn ta’ kollox. It-tħabbira tal-anġlu ma sseħħx fil-bibien ta’ Ġerusalemm, imma f’raħal mitluf tal-Galilija, tant insinifikanti li n-nies tgħid: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” (Ġw 1:46). Imma hu proprju minn hemm li d-dinja titwieled mill-ġdid. L-erojina magħżula sa minn qabel mhijiex xi reġina mrobbija fl-għażel u l-ħarir, imma tfajla mhux magħrufa: Marija. L-ewwel li stagħġbet kienet hi stess, meta l-anġlu wasslilha l-aħbar ta’ Alla. U fil-kantiku ta’ tifħir tagħha, jispikka proprju dan is-sens ta’ stagħġib: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:46-48). Alla – biex ngħidu hekk – jinġibed miċ-ċokon ta’ Marija, li huwa fuq kollox ċokon interjuri. U jinġibed ukoll miċ-ċokon tagħna, meta aħna naċċettawh.

Minn hawn ’il quddiem Marija toqgħod ħafna attenta milli tidher fuq il-palk. L-ewwel deċiżjoni tagħha wara t-tħabbira tal-anġlu hi li tgħin, tmur taqdi lil kuġintha. Marija tivvjaġġa lejn l-għoljiet tal-Lhudija, biex iżżur lil Eliżabetta: tgħinha fl-aħħar xhur tat-tqala tagħha. Imma min jarah dan il-ġest? Ħadd, jekk mhux Alla. Minn din is-satra, il-Verġni donnha ma toħroġ qatt. Bħal meta mill-folla l-leħen ta’ mara jxandar il-ferħ tagħha: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!” (Lq 11:27). Imma Ġesù minnufih iwieġeb: “Aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq 11:28). Lanqas l-istess verità l-aktar qaddisa tal-ħajja tagħha – li hi Omm Alla – ma ssir għaliha r-raġuni ta’ tifħir quddiem il-bnedmin. F’dik li hi ġirja għal min jidher l-iktar, għal min jidher superjuri għall-oħrajn, Marija timxi b’determinazzjoni, bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla waħidha, fid-direzzjoni kuntrarja.

Nistgħu nistħajlu li hi wkoll kellha mumenti diffiċli, jiem li fihom il-fidi tagħha baqgħet miexja fid-dalma. Imma dan qatt ma naqqas mill-umiltà tagħha, li f’Marija kienet l-aktar virtù soda. Dan nixtieq nagħfas fuqu: l-umiltà hi virtù soda. Ejjew naħsbu f’Marija: hi dejjem ċkejkna, dejjem imneżżgħa minnha nfisha, dejjem ħielsa minn kull ambizzjoni. Din iċ-ċkunija tagħha hija l-qawwa mhux mirbuħa tagħha: hija hi li tibqa’ f’riġlejn is-salib, waqt li l-illużjoni ta’ Messija trijonfanti titmermer fix-xejn. Tkun Marija, fil-jiem ta’ qabel Għid il-Ħamsin, li tiġbor il-merħla tad-dixxipli, li ma kinux kapaċi jishru mqar siegħa waħda ma’ Ġesù, u kienu abbandunawh meta waslet it-tempesta.

Ħuti, l-umiltà hija kollox. Hija dik li ssalvana mill-Ħażin, u mill-periklu li nsiru kompliċi tiegħu. U l-umiltà hija għajn tal-paċi fid-dinja u fil-Knisja. Fejn ma hemmx umiltà hemm il-gwerra, hemm il-ġlied, hemm il-firda. Alla tana xempju tagħha f’Ġesù u f’Marija, biex tkun is-salvazzjoni u l-ferħ tagħna. U l-umiltà hi sewwasew it-triq, il-mixja lejn is-salvazzjoni. Grazzi!

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard