Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa
ma’ Ġesù t-tama tagħna. 2. “Ir-riħ fejn irid jonfoħ”. Fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla hemm il-ħelsien.
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-katekeżi tal-lum nixtieq nirrifletti magħkom fuq l-isem li bih l-Ispirtu s-Santu huwa msejjaħ fil-Bibbja.
L-ewwel ħaġa li aħna nafu dwar persuna hija l-isem. U bih insejħulha, nagħrfuha u niftakruha. Anki t-tielet persuna tat-Trinità għandha isem: tissejjaħ Spirtu s-Santu. Imma “Spirtu” hija l-verżjoni Latinizzata. L-isem tal-Ispirtu, dak li bih għarfuh l-ewwel destinatarji tar-Rivelazzjoni, li bih sejħulu l-profeti, is-salmisti, Marija, Ġesù u l-Appostli, hu Ruach, li jfisser fewġa, riħ, nifs.
Fil-Bibbja l-isem hu hekk importanti li jista’ jiġi identifikat mal-persuna nfisha. Meta nqaddsu l-isem ta’ Alla, inkunu nqaddsu u nweġġħu lil Alla nnifsu. Qatt ma hu appellattiv sempliċiment konvenzjonali: dejjem jgħid xi ħaġa fuq il-persuna, fuq l-oriġni tagħha, fuq il-missjoni tagħha. Hekk ukoll l-isem Ruach. Dan fih l-ewwel rivelazzjoni fundamentali dwar il-persuna u l-funzjoni tal-Ispirtu s-Santu.
Kien proprju huma u josservaw ir-ruħ u l-manifestazzjonijiet tiegħu, li l-kittieba bibliċi ġew iggwidati minn Alla biex jiskopru “riħ” ta’ natura differenti. Mhux ta’ b’xejn nhar Għid il-Ħamsin l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli msieħeb mill-“ħoss bħal ta’ riħ qawwi” (ara Atti 2:2). Kien bħallikieku l-Ispirtu s-Santu ried ipoġġi l-firma tiegħu fuq dak li kien qed iseħħ.
Allura, x’jgħidilna dwar l-Ispirtu s-Santu l-isem tiegħu Ruach? Ix-xbieha tar-riħ isservi
qabelxejn biex tesprimi l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. “Spirtu u qawwa”, jew “qawwa tal-
Ispirtu” hu binomju rikorrenti fil-Bibbja kollha. Fil-fatt, ir-riħ hu qawwa tal-għaġeb, qawwa inkontrollabbli, li kapaċi saħansitra ċċaqlaq l-oċeani.
Anki hawn, imma, biex niskopru t-tifsira sħiħa tar-realtajiet tal-Bibbja, hemm bżonn li ma niqfux fit-Testment il-Qadim, imma naslu sa Ġesù. Mal-qawwa, Ġesù jixħet dawl fuq
karatteristika oħra tar-riħ, dik tal-libertà tiegħu. Lil Nikodemu, li jmur ifittxu billejl, Ġesù jgħidlu solennement: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu” (Ġw 3:8).
Ir-riħ hu l-unika ħaġa li bl-ebda mod ma tista’ żżommha, ma tistax “tagħlaqha fi flixkun” jew f’landa. Nippruvaw ir-riħ “nagħlquh fi flixkun” jew landa: mhux possibbli, għax hu ħieles. Li nippretendu li nistgħu nagħlqu lill-Ispirtu s-Santu f’kunċetti, definizzjonijiet, teżijiet jew trattati, kif ipprova jagħmel xi drabi r-razzjonaliżmu modern, ikun ifisser li nitilfuh, inxejnuh, nirriduċuh għall-ispirtu purament uman, spirtu sempliċi. Imma teżisti tentazzjoni tixxiebah anki fil-qasam ekkleżjastiku, u din hi dik li rridu nagħlqu lill-Ispirtu s-Santu f’kanoni, istituzzjonijiet, definizzjonijiet. L-Ispirtu s-Santu joħloq u jagħti l-ħajja lill-istituzzjonijiet, imma ma jistax ikun hu stess “istituzzjonalizzat”, “oġġettivizzat”. Ir-riħ “fejn irid” jonfoħ, hekk l-Ispirtu jqassam id-doni tiegħu “kif jogħġbu” (1 Kor 12:11).
San Pawl jagħmel minn dan kollu l-liġi fundamentali tal-imġiba Nisranija: “Fejn hemm l-
Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien” (2 Kor 3:17), jgħidilna. Persuna ħielsa, Nisrani ħieles, hu dak li għandu l-Ispirtu tal-Mulej fih. Dan hu ħelsien għalkollox speċjali, differenti sew minn dak li komunement nifhmu bih. Mhux ħelsien biex nagħmlu dak li rridu, imma ħelsien li nagħmlu b’mod ħieles dak li Alla jrid! Mhix libertà nagħmlux it-tajjeb jew il-ħażin, imma libertà li nagħmlu t-tajjeb u nagħmluh liberament, jiġifieri b’attrazzjoni, u mhux għax bilfors. Fi kliem ieħor, ħelsien ta’ wlied, u mhux ta’ lsiera.
San Pawl jaf tajjeb bl-abbuż jew l-għarfien żbaljat li jista’ jkun hemm ta’ din il-libertà; lill-
Galatin jiktbilhom: “Intom imma, l-aħwa, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba” (Gal 5:13). Dan hu ħelsien li jesprimi ruħu f’dak li jidher il-maqlub tiegħu, jesprimi ruħu fil-qadi, u fil-qadi hemm il-ħelsien veru.
Nafu tajjeb meta din il-libertà ssir “pretest għall-ġisem”. Pawlu jagħmel lista li tibqa’ dejjem attwali: “Żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn” (Gal 5:19-21). Imma hija wkoll il-libertà li tippermetti lill-għonja li jabbużaw mill-foqra, u hi libertà kerha, dik li tippermetti li dawk li huma b’saħħithom li jabbużaw mid-dgħajfa, u lil kulħadd li jisfrutta bla rażan lill-ambjent. U din hi libertà kerha, mhijiex il-libertà tal-Ispirtu.
Ħuti, mnejn niksbuh dan il-ħelsien tal-Ispirtu, hekk oppost għall-ħelsien tal-egoiżmu? It-
tweġiba tinsab fil-kliem li Ġesù darba qal lil dawk li kienu jisimgħuh: “Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa” (Ġw 8:36). Il-ħelsien li jagħtina Ġesù. Nitolbu lil Ġesù jagħmel minna, permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħu, bnedmin tabilħaqq ħielsa. Ħielsa biex naqdu, fl-imħabba u l-ferħ. Grazzi!
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard