Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (ara Mk 3:20-35) jgħidilna li wara li beda l-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù sab quddiemu reazzjoni doppja: dik ta’ qrabatu, li kienu mħassbin u beżgħu li forsi seta’ kien qed jiġġennen, u dik tal-awtoritajiet reliġjużi li kienu jakkużawh li dak li kien jagħmel kien iwettqu bis-saħħa ta’ spirtu malinn. Fil-verità Ġesù kien jippriedka u jfejjaq il-morda bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U kien propju l-Ispirtu s-Santu li kien jagħmlu divinament ħieles, jiġifieri kapaċi li jħobb bla ebda riserva u kundizzjonament. Ġesù ħieles. Nieqfu ftit nikkuntemplaw din il-libertà ta’ Ġesù.

Ġesù kien ħieles fil-konfront tal-ġid tad-dinja: għalhekk abbanduna l-kenn tal-villaġġ fejn kien jgħix, Nazaret, biex iħaddan ħajja ta’ faqar u mimlija inċertezzi (ara Mt 6:25-34) u bla ebda interess fejjaq il-morda u lil kulmin mar jitolbu l-għajnuna, bla qatt talab xi ħaġa lura (ara Mt 10:8). Din hi l-gratwità tal-ministeru ta’ Ġesù. U hi l-gratwità ta’ kull ministeru.

Kien ħieles fil-konfront tal-poter: infatti minkejja li sejjaħ ħafna biex jimxu warajh qatt ma obbliga lil ħadd biex jibqa’ miegħu, u lanqas fittex l-appoġġ tas-setgħanin, imma dejjem baqa’ man-naħa ta’ dawk tal-aħħar, u għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu l-istess, bħalma għamel Hu (ara Lq 22:25-27).

Fl-aħħar, Ġesù kien ħieles mit-tfittxija għall-fama u biex jikseb approvazzjoni u għalhekk qatt ma baqa’ lura milli jgħid il-verità, akkost li ma jifhmuhx (ara Mk 3:21), li jkun impopolari, sa ma miet fuq is-salib, bla ma ħalla xejn jew lil ħadd jintimidah, jixtrih jew jikkorrompih (ara Mt 10:28).

Ġesù kien bniedem ħieles. Ħieles fil-konfront tal-ġid, ħieles fil-konfront tas-setgħa, ħieles fil-konfront tat-tfittxija għall-fama. Dan hu importanti għalina wkoll. Infatti jekk inħallu t-tfittxija għall-pjaċir, għas-setgħa, għall-flus u għall-approvazzjoni jikkundizzjonawna, insiru lsira tagħhom. Jekk, minflok, inħallu l-imħabba gratwita ta’ Alla tissawwab fina u trattbilna qalbna, jew jekk inħalluh ifawwarna spontanjament billi ntuh lil ħaddieħor, bil-ħila kollha tagħna, bla biża’, kalkoli jew kundizzjonamenti, allura titkattar fina l-libertà, u nkunu nistgħu nxerrdu fwieħa ħelwa madwarna.

Allura nsaqsu lilna nfusna: jien persuna ħielsa? Jew inħalli l-miti tal-flus, tal-poter u tas-suċċess ijassruni u hekk nissagrifika s-serenità, il-paċi tiegħi u tal-oħrajn? Fl-ambjenti li ngħix u naħdem fihom, inxerred arja friska ta’ libertà, ta’ sinċerità, ta’ spontanjetà?

Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu u nħobbu kif għallimna Ġesù, bil-libertà ta’ ulied Alla (ara Ru 8:15,20-23).

Wara l-Anġelus

Pitgħada, fil-Ġordanja, se ssir konferenza internazzjonali dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża, imsejħa mir-re tal-Ġordanja, mill-President tal-Eġittu u mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Filwaqt li rroddilhom ħajr għal din l-inizjattiva importanti, inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex taġixxi bla telf ta’ żmien u b’kull mezz, biex tgħin lill-popolazzjoni ta’ Gaża mifnija bil-gwerra. L-għajnuna umanitarja għandha tasal għand min jeħtieġa, u ħadd ma għandu jagħmel ostakli għal dan.

Ilbieraħ ħabat l-għaxar anniversarju minn meta ġiet Invokata l-Paċi, fil-Vatikan, li għaliha kienu preżenti l-President ta’ Iżrael, il-mibki Shimon Perez, u dak tal-Palestina, Abu Mazen. Dik il-laqgħa wrietna li huwa possibbli nieħdu b’idejn xulxin, u li biex ikun hemm il-paċi hemm bżonn ħafna kuraġġ, ferm aktar kuraġġ minn dak meħtieġ biex issir il-gwerra. Għalqadstant ninkoraġġixxi n-negozjati li għaddejjin bejn il-partijiet, minkejja li mhumiex faċli, u nawgura li l-proposti tal-paċi biex jieqaf il-ġlied fuq il-fronti kollha u biex jinħelsu l-ostaġġi, jingħataw widen minnufih għal-ġid tal-palestinjani u tal-iżraeliti.

U ma ninsewx il-poplu mifluġ tal-Ukrajna li aktar ma jbati aktar tikber fih ix-xenqa għall-paċi. Insellem lil dal-grupp ta’ Ukreni bil-bandiera, li jinsabu hemmhekk. Aħna qribkom! Din hi xewqa tal-paċi, għalhekk nagħmel kuraġġ lil kull sforz li jsir biex malajr kemm jista’ jkun il-paċi tinbena bl-għajnuna internazzjonali. U ma ninsewx il-Myanmar.

Insellem lilkom, rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi, partikolarment lill-għalliema tal-Ginnasio San Giovanni Paolo II minn Kyiv (Ukrajna) Slava Isusu Khrystu! (Ikum imfaħħar Ġesù Kristu), u nagħmlilhom kuraġġ fil-missjoni edukattiva li għandhom f’daż-żmien tant diffiċli u ta’ tbatija. Insellem lill-għalliema u l-istudenti tal-Iskola Djoċesana “Cardenal Cinseros” mid-djoċesi ta’ Sigüenza-Guadalajara” minn Spanja; kif ukoll lill-fidili minn Assemini (Cagliari), lit-tfal tal-iskola “Giovanni Prati” minn Padova u liż-żgħażagħ tal-parroċċa Sant Irenew f’Ruma.

Inġedded it-tislijiet lill-kanturi li ġew Ruma minn kull naħa tad-dinja biex jieħdu sehem fir-raba’ Laqgħa Internazzjonali tal-Korijiet. Għeżież, bil-kant tagħkom tistgħu dejjem tagħtu ġieħ lil Alla u tittrasmettu l-ferħ tal-Evanġelju!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org