Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

Illum l-Evanġelju tal-Liturġija jirrakkuntalna l-miraklu tal-ħobż u l-ħut (ara Ġw 6:1-15). Miraklu, jew aħjar “sinjal” li l-protagonisti tiegħu jagħmlu tliet ġesti li Ġesù jtenni waqt l-Aħħar Ikla. Liema huma dawn il-ġesti? L-offerta, ir-radd il-ħajr u l-qsim. L-ewwel: l-offerta. L-Evanġelju jitkellem dwar tifel li għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet (ara Ġw 6:9). Hu ġest li bih nindunaw li lkoll għandna xi ħaġa tajba x’nagħtu, li ngħidu “l-iva” tagħna anki jekk dak li għandna hu ftit wisq ħdejn il-meħtieġ. Dan huwa ċar waqt il-Quddiesa meta s-saċerdot joffri l-ħobż u l-inbid fuq l-altar, u kulħadd joffri lilu nnifsu, joffri ħajtu. Hu ġest li donnu jidher ħaġa ta’ xejn, meta niftakru fil-ħtiġijiet immensi tal-umanità, propju bħall-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet fil-kas ta’ folla ta’ eluf ta’ persuni; imma Alla jużahom biex iwettaq l-akbar miraklu li jieżisti: dak li bih Hu nnifsu, Huwa stess, juri li jinsab fostna għas-salvazzjoni tad-dinja.

U minn dan nifhmu t-tieni ġest: ir-radd il-ħajr (ara Ġw 6:11). L-ewwel ġest hu l-offerta, it-tieni hu r-radd il-ħajr. Jiġifieri li bl-umiltà, imma wkoll bil-ferħ, lill-Mulej ngħidulu: “Kulma għandi hu don tiegħek, Mulej, u biex irrodlok ħajr jien nista’ ntik lura biss dak li tajtni Int minn qabel, flimkien ma’ Ibnek Ġesù Kristu, u nżid miegħu dak li nista’”. Ilkoll kemm aħna nistgħu nżidu xi ħaġa żgħira. X’nista’ nagħti lill-Mulej? Iż-żgħir x’jista’ jagħti? L-imħabba fqajra. Ngħidu: “Mulej, inħobbok” Aħna msejkin: imħabbitna hi tant ċkejkna! Imma nistgħu ntuha lill-Mulej, il-Mulej jilqagħha.

Offerta, radd il-ħajr, u t-tielet ġest hu l-qsim. Fil-Quddiesa hi t-Tqarbina, meta flimkien nersqu lejn l-altar biex nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu: frott tad-don ta’ kulħadd mibdul f’ikel għal kulħadd mill-Mulej. Huwa waqt mill-isbaħ, il-ħin tat-Tqarbin, jgħallimna ngħixu kull ġest ta’ mħabba bħala don ta’ grazzja, kemm għal min jagħti u wkoll għal min jirċievi.

Ħuti, insaqsu lilna nfusna: jiena, bil-grazzja t’Alla, nemmen tassew li għandi xi ħaġa unika li nista’ nagħti lil ħuti, jew inkella, anonimament inħossni biss wieħed mill-folla? Jien protagonista ta’ xi ġid li nista’ nagħti ? Jien grat lejn il-Mulej tad-doni li bihom kontinwament jurini mħabbtu ? Ngħix biex meta nkun mal-oħrajn naqsam magħhom il-laqgħa u l-arrikkiment reċiproku ?

Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu bil-fidi kull Ċelebrazzjoni Ewkaristika u biex nagħrfu nduqu ta’ kuljum «il-mirakli» tal-grazzja t’Alla

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Niżgura talbi għall-vittmi tat-tiġrif kbir li radam villaġġ fin-nofsinhar tal-Etjopja. Jien qrib dik il-popolazzjoni tant imġarrba u qrib dawk li qed jgħatu l-għajnuna.

U waqt li fid-dinja hawn tant bnedmin li qed isofru minħabba t-traġedji u l-ġuħ, qed inkomplu nipproduċu u nbiegħu l-armi u naħarqu riżorsi biex ‘immantnu’ l-gwerer kbar u żgħar. Dan hu skandlu li l-komunità internazzjonali m’għandhiex tittollerah, u jikkontradixxi l-ispirtu ta’ fratellanza tal-Logħob Olimpiku li għadu kif beda. Ma ninsewx, ħuti: il-gwerra hi dejjem telfa!

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tan-nanniet u l-Anzjani. It-tema: “La tabbandunanix fi xjuħiti” (ara Salm 71:9). L-abbandun tal-anzjani, infatti, hu realtà ta’ niket li qatt m’għandha ssir drawwa. Għal ħafna minnhom, aktar u aktar f’dal-jiem tas-sajf, is-solitudni tirriskja ssir piż tqil wisq biex iġorruh. Il-Jum tal-lum hu sejħa biex nisimgħu leħen l-anzjani li jgħidulna: “Tabbandunawnix!” u biex inwieġbu: “Mhux se nabbandunawk!” Ejjew insaħħu l-allejanza bejn in-neputijiet, bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Ngħidu “le” għas-solitudni tal-anzjani! Il-futur tagħna jiddependi ħafna minn kifin-nanniet u n-neputijiet jitgħallmu jgħixu flimkien. Ma ninsewhomx lill-anzjani! Applaws għan-nanniet kollha, kollha kemm huma!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn madwar id-dinja. Insellem b’mod partikolari lill-parteċipanti tal-Kungress Ġenerali tal-Unjoni tal-Appostolat Kattoliku; liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn Bologna u lil dawk mill-Unità Pastorali Riviera del Po-Sermide, fid-djoċesi ta‘ Mantova; lill-grupp ta‘ żgħażagħ ta‘ tmintax-il sena mid-djoċesi ta‘ Verona; lill-animaturi tal-Oratorju Carlo Acutis minn Quartu Sant’Elena.

Nibgħat inselli għal dawk li qed jieħdu sehem fil-konklużjoni tal-Festa lill-Madonna tal-Karmelu fi Trastevere: illejla se jkun hemm il-purċissjoni tal-Madonna fiumarola fuq ix-xmara Tevere. Nitgħallmu minn Marija, l-Omm tagħna, biex ngħixu l-Evanġelju fil-ħajja ta‘ kuljum! Smajt xi kant neokatekumenali… Imbagħad nieħu gost nerġa‘ nisimgħu! Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org