Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw 6,41-51) ikellimna dwar ir-reazzjoni tal-Lhud meta Ġesù afferma u qal: “Jiena nżilt is-sema” (Ġw 6,38). Jiskandalizzaw ruħhom.

Huma jgemgmu bejniethom: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?” (Ġw 6,42). U għalhekk bdew igemgmu. Niflu sew dak li qed jgħidu. Huma konvinti li Ġesù ma setax kien ġej mis-sema, għax hu bin mastrudaxxa u għaliex ommu u qrabatu huma nies komuni, nies li jafhom kulħadd, normali, bħal ħafna oħrajn. Bdew jgħidu: Kif jista‘ jkun li Alla jimmanifesta ruħu b’mod daqstant odinarju? Huma magħluqin, fil-fidi tagħhom, minħabba l-preġudizzju fil-konfront tal-oriġini umli tiegħu u minħabba l-prużunzjoni, u għalhekk jidhrilhom li m’għandhom xejn x’jitgħallmu mingħandu. Il-preġudizzji u l-prużunzjoni, kemm jagħmlu ħsara! Huma ostaklu għal djalogu sinċier u biex jitqarrbu bejniethom l-aħwa: oqgħodu attenti mill-preġudizzji u mill-prużunzjoni! Għandhom l-iskemi riġidi tagħhom u fi qlubhom mhemmx lok biex tidħol xi ħaġa oħra, u għalhekk ma jistgħu la jikkatalogaw u lanqas jarkivjaw xejn fuq l-ixkafef mimlijin trab taċ-ċertezzi tagħhom. U dan hu minnu: bosta drabi s-sigurtajiet tagħna huma magħluqin, mimlijin trab qieshom kotba qodma.

Madankollu dawn huma nies li josservaw il-liġi, jagtu l-elemiżina, isumu kfi suppost u jitobu regolarment. Anzi, Kristu diġà wettaq ħafna mirakli (cfr Ġw 2,1-11; 4,43-54; 5,1-9; 6,1-25). Kif inhu li dan kollu ma jgħinhomx biex jagħrfu li hu l-Messija? Għaliex ma jsibux għajnuna f’dan? Għax il-mod li bih jipprattikaw ir-reliġjożità tagħhom mhux intiż biex jisimgħu lill-Mulej, imma aktar biex bih ifittxu konferma tal-mod kif jaħsbuha huma. Huma magħluqin għall-Kelma t’Alla u jfittxu konferma għal mod kif jaħsbu huma. Dan jurih il-fatt li mank jiġihom f’rashom jitolbu spjegazzjoni mingħand Ġesù: jibqgħu jgemgmu bejniethom kontrih (Ġw 6,41), qieshom riedu jwennsu lil xulxin dwar dak li kienu konvinti minnu, u jingħalqu, huma magħluqin ġo fortizza impenetrabbli. Għalhekk ma jirnexxilhomx jemmnu. L-għeluq tal-qalb: kemm iġib ħsara, kemm jagħmel ħsara!

Niftħu għajnejna għal dan kollu għax xi drabi jista‘ jiġrilna l-istess, fil-ħajja u fit-talb: jista‘ jiġrilna li minflok niddisponu ruħna biex nisimgħu dak li l-Mulej għandu x’jgħidilna, inkunu qed infittxu mingħandu u mingħand l-oħrajn, konferma tal-mod kif naħsbuha aħna, konferma tal-konvinzjonijiet tagħna, tal-ġudizzji tagħna, li jkunu pre-ġudizzji. Imma jekk induru lejn Alla b’dal-mod ma jirnexxiliex niltaqgħu miegħu verament, u lanqas jirnexxielna ninfetħu għad-dawl tiegħu u għall-grazzja tiegħu, biex nisseddqu fit-tajjeb, biex nagħmlu r-rieda tiegħu u biex ngħelbu l-għeluq u d-diffikultajiet. Ħuti, il-fidi u t-talb awtentiċi jiftħulna moħħna u qlubna, mhux jagħlquh. Meta tiltaqa‘ ma’ persuna li moħħha u t-talb tagħha huma magħlquin, dik il-fidi u dak it-talb ma jkunux awtentiċi.

Allura insaqsu: fil-ħajja tal-fidi tiegħi għandi ħila verament insib fija s-silenzju, noqgħod nisma‘ lil Alla? Jien dispost nilqa‘ leħnu lil hinn mill-iskemi tiegħi u biex bl-għajnuna tiegħu nirbaħ ukoll il-biżgħat tiegħi?

Marija tgħinna nisimgħu bil-fidi leħen il-Mulej u biex bil-kuraġġ nagħmlu r-rieda tiegħu.

Wara l-Anġelus

Għeżież ħuti!

Dal-ġranet fakkarna l-anniversarju tal-bumbardament atomiku fuq il-bliet ta’ Hiroshima u Nagasaki. Filwaqt li nkomplu nirrikmandaw il-vittmi ta’ dawk il-ġrajjiet u tal-gwerer kollha, lill-Mulej, inġeddu talbna u nitolbu b’ħerqa akbar għall-paċi, speċjalment fl-Ukrajna martri, fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina, f’Iżrael, fis-Sudan u fil-Myanmar.

Illum hi l-festa ta‘ Santa Chiara: insellem b’għożża lis-sorijiet Klarissi partikolarment lil dawk ta’ Vallegloria li jien marbut magħhom bi ħbiberija sabiħa. Nitolbu wkoll għall-vittmi tal-inċident traġiku tal-ajruplan fil-Brażil.

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi, partikolarment lill-istudenti tas-Seminarju Minuri minn Bergamo, li ġew bil-mixi minn Assisi, pellegrinaġġ ta’ xi jiem. Għejjejtu? Le? Tajjeb. Bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. U lilkom ukoll, membri tal-Immacolata: il-Ħadd it-tajjeb! U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija: intom ukoll brażiljani, qed narakom sew hemmhekk. Grazzi lil kulħadd. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org