Irrodd ħajr lill-Arċisqof għall-kliem ta’ kortesija li indirizzali. Nesprimi gratitudni sinċiera lill-Maestà Tagħhom ir-Re u r-Reġina, kif ukoll lill-Altezzi Rjali il-Granduka u l-Grandukessa tal-Lussemburgu: irroddilhom ħajr tal-preżenza tagħhom u għall-akkoljenza tul dal-ġranet.
Nestendi l-grazzi tiegħi lill dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkollaboraw fl-organizzazzzjoni ta’ diż-żjara; b’mod speċjali lill-anzjani u l-morda li offrew it-talb tagħhom.
Illum qed niċċelebrawi il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati bit-tema “Alla jimxi mal-poplu tiegħu”. Minn dal-pajjiż, mill-Belġju, li kien u li għadu post li jilqa’ fih tant migranti, lill-Ewropa u lill-Komunità Internazzjonali nġeddilhom l-appell tiegħi biex il-fenomenu migratorju jqisuh opportunità ta’ tkabbir komuni fil-fraternità u nistieden lil kulħadd biex f’kull wieħed u waħda minn dawn ħutna migranti jaraw il-wiċċ ta’ Ġesù li sar mistieden u pellegrin fostna.
Qed inkompli nsegwi b’għafsa ta’ qalb u tant preokkupazzjoni l-kunflitt fil-Libanu li qed jinfirex u jiqliel. Il-Libanu hu messaġġ, imma f’dal-waqt hu messaġġ ta’ martirju, u dil-gwerra qed tħalli effetti qerrieda għall-aħħar fost il-popolazzjoni: bosta, wisq persuni għadhom imutu ta’ kuljum fil-Lvat Nofsani. Nitolbu għall-vittmi, għall-familji tagħhom, nitolbu għall-paċi. Nitlob lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-ġlied minnufih fil-Libanu, f’Gaża u fil-bqija tal-Palestina, f’Iżrael. Eħilsu lill-ostaġġi u ħallu tgħaddi l-għajnuna umanitarja. Ma ninsewx lill martri Ukrajna.
Irrodd ħajr ukoll lil bosta minnkom li ġejtu mill-Olanda, mill-Ġermanja, minn Franza biex taqsmu magħna dil-ġurnata: grazzi lilkom ilkoll.
Dal-ħin irrid ukoll nagħtikom aħbar. Meta nerġa’ lura Ruma se nagħti bidu għall-proċess ta’ beatifikazzjoni tar-Re Baldovino: jalla l-eżempju tiegħu ta’ bniedem ta’ fidi jdawwal lil min jiggverna. Nitlob lill-Isqfijiet belġjani biex jimpenjaw ruħhom ħalli jmexxu dil-kawża ‘l quddiem.
Issa se nduru lejn il-Verġni Marija billi flimkien ngħidu l-Angelus. Din it-talba popolari ħafna fost il-ġenerazzjonijiet li għaddew jixraq li nerġgħu niskopruha: hi sintesi tal-misteru Kristjan, li l-Knisja tgħallimna ninfilzaw fil-ħin tal-ħidma tagħna ta’ kuljum. Nagħtihielkom, speċjalment lilkom żgħażagħ, u nafdakom ilkoll f’idejn ommna Marija Santissma, li hawn maġenb l-altar, qed narawha fix-xbieha ta’ Omm tal-Għerf. Iva, għandna bżonn l-għerf tal-Evanġelju! Nitolbu spiss lill-Ispirtu s-Santu biex itina dan l-għerf.
U bl-interċessjoni ta’ Marija ninvokaw id-don tal-paċi għall-Ukrajna martri, għall-Palestina u għal Iżrael, -Sudan, għall-Myanmar u għall-artijiet kollha miġrugħin minħabba l-gwerra,
Grazzi lil kulħadd! Ibqgħu mexjin “en route, avec Espérance” (“Fit-Triq bit-tama”)!
Maqluba għall-Malti minn Joe Huber