Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum, fl-Evanġelju tal-liturġija (cfr (Mk 10, 2-16) Ġesù jkellimna dwar l-imħabba konjugali. Kif ġara drabi oħra, xi fariżej jagħmlulu mistoqsija biex jipprovokawh dwar suġġett kontroversjali: jekk ir-raġel jistax jibgħat lill-mara. Iridu jdaħħluh f’polemika, imma Hu ma jaqax għalihom, anzi jaħtaf l-okkażjoni biex jiġbdilhom l-attenzjoni fuq diskors aktar important: il-valur tal-imħabba bejn ir-raġel u l-mara.
Fi żmien Ġesù il-kundizzjoni tal-mara fiż-żwieġ kienet ta’ svantaġġ kbir imqabbla ma’ dik tar-raġel: ir-raġel seta’ jkeċċi, jibgħat lil martu anki għal raġunijiet banali, u dak kien isir għax l-Iskrittura kienu jinterpretawha b’mod legalistiku. Għalhekk, il-Mulej ifakkar lil min kien jisimgħu dwar l-esiġenzi tal-imħabba. Ifakkarhom li l-Ħallieq ried li r-raġel u l-mara jkollhom dinjità ndaqs u jkunu kumplimentari għal xulxin fid-diversità, ħalli jkunu ta’ għajnuna għal xulxin, kumpanija għal-xulxin, imma fl-istess ħin stimolu u sfida biex jikbru flimkien (cfr Ġen 2, 20-23).
U biex dan iseħħ, jisħaq dwar il-ħtieġa li jagħtu lilhom infushom bħala don sħiħ lil xulxin, jinteressaw ruħhom f’xulxin mhux b’nofs qalb – din hi l-imħabba -b’mod li jkun il-bidu ta’ ħajja ġdida (cfr Mk 10,7; Ġen 2,24), destinata li tibqa’ għal dejjem, mhux “sakemm niddejjaq”, jilqgħu lil xulxin reċiprokament u jgħixu magħqudin bħala “laħam wieħed” (cfr Mk 10,8; Ġen 2,24). Ċertament dan mhux faċli, jitlob fedeltà, anki fid-diffikultajiet, jitlob rispett, sinċerità, sempliċità (cfr Mk 10,15). Jitlob disponibbiltà għall-konfront, kultant għad-diskussjoni, imma dejjem lesti għall-maħfra, għar-rikonċljazzjoni. U nirrikmandalkom raġel u mara, illitikaw kemm tridu bil-patt li tagħmlu paċi qabel ma tintemm il-ġurnata! Tafu għaliex? Għax il-gwerra bierda tal-għada hi perikoluża. “U, għidli, Padre, kif nagħmlu paċi?” – “Biżżejjed tmellisa, hekk”, imma qatt tħallu l-ġurnata tintemm bla ma tagħmlu paċi.
Imbagħad ma ninsewx li għall-miżżewġin huwa essenzjali li jkunu miftuħin għad-don tal-ħajja, għad-don tal-ulied, li huma l-isbaħ frott tal-imħabba, l-akbar barka t’Alla, għajn ta’ ferħ u tama għal kull dar u għas-soċjetà kollha. Agħmlu t-tfal! Ilbieraħ tfarraġt bi kbir. Kien il-Jum tal-Ġendarmerija, u ġie wieħed minnhom flimkien mat-tmien uliedu! Ħaġa mill-isbaħ tarahom. Jekk jogħġobkom, miftuħin għall-ħajja, għal dak li jibgħat Alla.
Għeżież ħuti, l-imħabba hi esiġenti, veru, imma sabiħa, u aktar ma ninvolvu ruħna aktar niskopru fiha l-hena veru. U issa kulħadd isaqsi f’qalbu: kif inhi l-imħabba tiegħi? Hi fidila? Hi ġeneruża? Hi kreattiva? Kif inhuma l-familji tagħna? Miftuħin għall-ħajja, għad-don tal-ulied?
Il-Verġni Marija tkun l-għajnuna tal-miżżewġin insara. Induru lejha f’għaqda spiritwali mal-fidili miġburin fis-Santwarju ta’ Pompej għas-Supplika tradizzjonali lill-Madonna tar-Rużarju Mqaddes.
Maqlub għall-Malti minn Joe Huber