Qabel tintemm din iċ-ċlċebrazzjoni ewkaristika, irrodd ħajr lilkom ilkoll li ġejtu tagħtu ġieħ lill-Qaddisin il-ġodda. Insellem lill-Kardinali, lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati, partikolarment lill-Patrijiet Minuri u lill-fidili Maroniti, lill-Missjunarji rġiel u nisa tal-Consolata, lill-Piccole Suore tal-Familja Mqaddsa u lill-Oblate tal-iSpirtu s-Santu, kif ukoll lill-gruppi ta’ pellegrini li ġew minn diversi nħawi. Insellem b’rispett lill-President tar-Repubblika Taljana, lid-Delegazzjonijiet uffiċjali u lill-Awtoritajiet ċivili.
Insellem lill-grupp kbir ta’ pellegrini mill-Uganda flimkien mal-Viċi President tal-pajjiż, li ġew hawn sittin sena wara l-kanonizzazzjoni tal-Martri tal-Uganda. It-testimonjanza ta’ San Ġużepp Allamano jfakkarna fl-attenzjoni li jeħtieġu l-popolazzjonijiet l-aktar fraġli u l-aktar vulnerabbli. Niftakar partikolarment fil-poplu Yanomami, fil-foresta amażżonika brażiljana, li fosthom sar propju l-miraklu marbut mal-kanonizzazzjoni tal-lum. Nagħmel appell lill-awtoritajiet politiċi u ċivili biex jaċċertaw ruħhom mill-protezzjoni ta’ dawn il-popli u d-drittijiet fundamentali tagħhom, u kontra kull għamla ta’ sfruttament tad-dinjità tagħhom u tat-territorji tagħhom.
Illum qed niċċelebraw Il-Ġurnata Missjunarji Dinjija li t-tema tagħha – “Morru u stiednu lil kulħadd għall-mejda’ (cfr Mt 22,9) – ifakkarna li t-tħabbira missjunarja hi li twassal lil kulħadd l-istedina għal-laqgħa ferrieħa mal-Mulej, li jħobbna u jridna sehem mill-ferħ sponsali tiegħu. Kif jgħallmuna l-Qaddisin il-ġodda: “kull nisrani għandu sejħa biex ikun sehem f’dil-missjoni universali bix-xhieda evanġelika tiegħu f’kull ambjent” (Messaġġ għall-XCVIII Jum Missjunarju Dinji, 25 ta’ Jannar, 2024). Insostnu bit-talb tagħna u bl-għajnuna li nagħtu lill-missjunarji kollha, li spiss, b’sagrifiċċju kbir, iwasslu l-aħbar imdawla tal-Evanġelju f’kull rokna tad-dinja.
U nkomplu nitolbu għall-popolazzjonijiet li qed isofru minħabba l-gwerra – il-Palestina martri, Iżrael, il-Libanu, il-martri Ukrajna, is-Sudan, il-Myanmar u l-oħrajn kollha – u ninvokaw għalihom ilkoll id-don tal-paċi.
Il-Verġni Marija tgħinna nkunu bħalha u bħall-Qadisin, xhieda kuraġġużi u hienja tal-Evanġelju.
Maqlub għall-Malti minn Joe Huber