Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
L-aħħar darba spjegajna dak li nistqarru fil-Kredu dwar l-Ispirtu s-Santu. Imma r-riflessjoni tal-Knisja ma waqfitx ma’ dik l-istqarrija qasira tal-fidi. Warajha ġiet, kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent, l-opra ta’ Missirijiet u Dutturi kbar. Illum, b’mod partikulari, nixtiequ niġbru xi farka mid-duttrina tal-Ispirtu s-Santu żviluppata fit-tradizzjoni Latina, biex naraw kif din iddawwal il-ħajja Nisranija kollha u b’mod partikulari s-sagrament taż-żwieġ.
Dak li prinċipalment bena din id-duttrina kien Santu Wistin, li żviluppa d-duttrina fuq l-Ispirtu s-Santu. Hu telaq mir-rivelazzjoni li “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4:8). Issa l-imħabba tissupponi wieħed li jħobb, wieħed li hu maħbub, u l-istess imħabba li torbothom. Il-Missier hu, fit-Trinità, dak li jħobb, l-għajn u l-bidu ta’ kollox; l-Iben hu dak li hu maħbub; u l-Ispirtu s-Santu hu l-imħabba li tgħaqqadhom.[1] Alla tal-Insara allura hu Alla “wieħed”, imma mhux solitarju; tiegħu hija għaqda ta’ komunjoni, ta’ mħabba. F’din il-linja, xi ħadd ippropona li lill-Ispirtu s-Santu nsejħulu, mhux “it-tielet persuna” singulari tat-Trinità, imma pjuttost “l-ewwel persuna plural”. Fi kliem ieħor, huwa l-Aħna, l-Aħna divin tal-Missier u tal-Iben, ir-rabta ta’ għaqda bejn diversi persuni,[2] l-istess prinċipju tal-għaqda tal-Knisja, li hi appuntu “ġisem wieħed” magħmul minn diversi persuni.
Kif għidt, illum nixtieq nirrifletti magħkom b’mod partikulari fuq dak li l-Ispirtu s-Santu għandu x’jgħid lill-familja. X’jista’ jkollu x’jaqsam l-Ispirtu s-Santu maż-żwieġ, ngħidu aħna? Ħafna u ħafna, forsi l-essenzjal, u ħa nipprova nfisser għaliex! Iż-żwieġ Nisrani hu s-sagrament ta’ dawk li jagħtu ruħhom bħala don, wieħed lill-oħra, ir-raġel u l-mara. Hekk riedu l-Ħallieq meta “ħalaq il-bniedem fuq xbihetu […]: raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Il-koppja umana allura hi l-ewwel u l-aktar twettiq elementari tal-komunjoni ta’ mħabba li hi t-Trinità.
Anki l-għarajjes għandhom jifformaw l-ewwel persuna plural, “aħna”. Joqogħdu quddiem xulxin bħala “jien” u “int”, u joqogħdu quddiem il-bqija tad-dinja, inklużi l-ulied, bħala “aħna”. Kemm hi ħaġa sabiħa tisma’ omm li tgħid lill-ulied: “Missierek u jien…”, kif qalet Marija lil Ġesù, meta ta’ tnax-il sena sabuh fit-Tempju jgħallem lid-Dutturi (ara Lq 2:48), u tisma’ missier li jgħid: “Ommok u jien”, bħallikieku kienu suġġett wieħed. Kemm għandhom bżonn l-ulied ta’ din l-għaqda – omm u missier flimkien –, l-għaqda tal-ġenituri, u kemm ibatu meta din tonqos! Kemm ibatu l-ulied tal-missirijiet li jinfirdu, kemm ibatu!
Imma biex jista’ jikkorrispondi ma’ din il-vokazzjoni, iż-żwieġ għandu bżonn tal-għajnuna ta’ Dak li huwa d-Don, anzi l-għotja per eċċellenza. Fejn jidħol l-Ispirtu s-Santu, terġa’ titwieled il-ħila tat-twelid mill-ġdid. Xi Missirijiet tal-Knisja affermaw li, billi huwa d-don reċiproku tal-Missier u tal-Iben fit-Trinità, l-Ispirtu s-Santu huwa wkoll ir-raġuni tal-ferħ li jsaltan bejniethom, u huma u jitkellmu fuqu ma beżgħux jużaw ix-xbieha tal-ġesti proprji tal-ħajja konjugali, il-bewsa u t-tgħanniqa.[3]
Ħadd ma hu jgħid li rabta bħal din hija mira ħafifa, inqas u inqas fid-dinja tal-lum; imma din hija l-verità tal-affarijiet kif ħasibhom il-Ħallieq u hija għalhekk fin-natura tagħhom. Bla dubju, jista’ jidher iktar faċli u ta’ malajr li nibnu fuq ir-ramel milli fuq il-blat; imma Ġesù jgħidilna xi jkun ir-riżulat (ara Mt 7:24-27). Imbagħad, f’dan il-każ lanqas għandna bżonn tal-parabbola, għax il-konsegwenzi taż-żwiġijiet mibnija fuq ir-ramel, b’xorti ħażina, huma taħt għajnejn kulħadd u l-prezz tagħhom qed iħallsuh fuq kollox l-ulied. L-ulied ibatu mis-separazzjoni jew in-nuqqas ta’ mħabba tal-ġenituri! Dwar ħafna miżżewġin ikollna ntennu dak li Marija qalet lil Ġesù, f’Kana tal-Galilija: “Ma għandhomx inbid” (Ġw 2:3). L-Ispirtu s-Santu hu dak li jkompli jwettaq, fuq livell spiritwali, il-miraklu li għamel Ġesù dakinhar, jiġifieri li jibdel l-ilma tad-drawwa f’ferħ ġdid li nkunu flimkien. Din mhijiex xi illużjoni devota: huwa dak li l-Ispirtu s-Santu għamel f’tant żwiġijiet, meta l-miżżewġin għażlu li jitolbuh.
Għalhekk, ma tkunx ħaġa ħażina jekk, mal-informazzjoni ta’ natura ġuridika, psikoloġika u morali li tingħata, fil-preparazzjoni tal-għarajjes għaż-żwieġ isir apprfondiment ta’ din it-tħejjija “spiritwali”, l-Ispirtu s-Santu li jwettaq l-għaqda. “Bejn mara u raġel iddaħħalx sebgħek”, jgħid qawl Taljan. Imma hemm “saba’” li għandu jitqiegħed bejn mara u raġel, u dan hu sewwasew is-“saba’ ta’ Alla”: jiġifieri l-Ispirtu s-Santu!
maqlub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Ara Santu Wistin, De Trinitate, VIII,10,14.
[2] Ara H. Mühlen, Una mystica persona. La Chiesa come il mistero dello Spirito Santo, Città Nuova, 1968.
[3] Ara San Illarju ta’ Poitiers, De Trinitate, II,1; Santu Wistin, De Trinitate, VI, 10,11.