Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum inkompli bir-riflessjoni tagħna fuq il-preżenza u l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Knisja permezz tas-Sagramenti.
L-azzjoni santifikatriċi tal-Ispirtu s-Santu tasal għandna qabelxejn permezz ta’ żewġ kanali: il-Kelma ta’ Alla u s-Sagramenti. U fost is-Sagramenti kollha, hemm wieħed li hu s-Sagrament per eċċellenza tal-Ispirtu s-Santu, u hu fuq dan li nixtieq nitkellem illum. Dan hu s-Sagrament tal-Griżma jew tal-Konfirmazzjoni.
Fit-Testment il-Ġdid, barra l-magħmudija bl-ilma, insibu msemmi rit ieħor, dak tat-tqegħid tal-idejn, li għandu l-għan li jikkomunika b’mod viżibbli u b’mod kariżmatiku l-Ispirtu s-Santu, b’effetti jixxiebhu ma’ dawk li seħħu fuq l-Appostli f’Għid il-Ħamsin. L-Atti tal-Appostli jirriferu għal episodju sinifikattiv f’dan ir-rigward. Malli saru jafu li fis-Samarija xi wħud kienu laqgħu l-kelma ta’ Alla, minn Ġerusalemm bagħtu lil Pietru u Ġwanni. It-test jgħid li “dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu” (8:14-17).
Ma’ dan inżidu dak li San Pawl kiteb fit-Tieni Ittra lill-Korintin: “Alla hu li jwettaq kemm lilkom u kemm lilna fi Kristu, li kkonsagrana għalih innifsu; hu li ssiġillana wkoll bis-siġill tiegħu, u tana b’rahan l-Ispirtu fi qlubna” (1:21-22). Ir-rahan tal-Ispirtu. It-tema tal-Ispirtu s-Santu bħala “siġill irjali” li bih Kristu jimmarka n-nagħaġ tiegħu tinsab fil-bażi tad-duttrina tal-“karattru indelibbli” mogħti minn dan ir-rit.
Mal-medda taż-żmien, ir-rit tad-dilka żviluppa bħala Sagrament fih innifsu, u assuma forom u kontenuti differenti fid-diversi epoki u fid-diversi riti tal-Knisja. Mhux il-lok hawn li nduru ma’ din l-istorja pjuttost kumplessa. Dak li l-Knisja fehmet bis-Sagrament tal-Griżma, jidhirli li huwa mfisser, b’mod sempliċi u ċar, mill-Katekiżmu tal-adulti tal-Konferenza Episkopali Taljana. Dan jgħid hekk: “Il-konfirmazzjoni hi għal kull fidil dak li kien għall-Knisja kollha Għid il-Ħamsin. […] Din issaħħaħ l-inkorporazzjoni batteżimali fi Kristu u fil-Knisja u l-konsagrazzjoni għall-missjoni profetika, regali u saċerdotali. Tikkomunika l-abbundanza tad-doni tal-Ispirtu […]. Jekk allura l-Magħmudija hija s-sagrament tat-twelid, il-griżma hija s-sagrament tal-maturazzjoni. Għalhekk hija wkoll is-sagrament tax-xhieda, għax din hi strettament marbuta mal-maturità tal-ħajja Nisranija”.[i]
Il-problema hija kif nagħmlu biex is-Sagrament tal-Griżma ma jirriduċix ruħu, fil-prattika, għal “dilka tal-aħħar”, jiġifieri għas-sagrament tat-“tluq” mill-Knisja. Jingħad li hu s-“sagrament tal-addio”, għax malli jirċevuh iż-żgħażagħ jitilqu, u mbagħad jerġgħu jiġu lura għaż-żwieġ. Hekk jgħidu n-nies. Imma rridu nagħmlu mod li jkun is-sagrament tal-bidu ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħajja tal-Knisja. Hi mira li tista’ tidher impossibbli fis-sitwazzjoni li għandna xi ftit jew wisq fil-Knisja kollha, imma b’daqshekk ma għandniex nieqfu nfittxuha. Mhux sa jkun hekk għall-kreżimandi kollha, tfal jew adulti, imma importanti li jkun hekk tal-inqas għal xi wħud li mbagħad għad ikunu l-animaturi tal-komunità.
Għal dan il-għan, jista’ jiswa fil-preparazzjoni għas-Sagrament li wieħed ifittex l-għajnuna tal-fidili lajċi li kellhom laqgħa personali ma’ Kristu u għamlu esperjenza vera tal-Ispirtu. Xi wħud jgħidu li għexuha bħala l-frott fihom tas-Sagrament tal-Griżma li rċivew bħala tfal.
Imma dan ma jmissx biss lill-kreżimandi futuri; jolqot lilna lkoll u f’kull mument. Flimkien mal-konfermazzjoni u d-dilka, irċivejna, żgurana l-Appostlu, anki r-rahan tal-Ispirtu li band’oħra jissejjaħ “l-ewwel frott tal-Ispirtu” (Rum 8:23). Jeħtieġ “nonfqu” dan ir-rahan, niggustaw dan l-ewwel frott, ma nidfnux taħt l-art il-kariżmi u t-talenti li rċevejna.
San Pawl sejjaħ lid-dixxiplu Timotju biex “tqajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik bit-tqegħid ta’ idejja” (2 Tim 1:6), u l-verb użat jissuġġerixxi x-xbieha ta’ min jonfoħ fuq in-nar biex ikebbes il-fjamma. Din hi mira sabiħa għas-sena ġubilari! Inwarrbu l-irmied tad-drawwa u tat-telqa, u nsiru, bħal dawk li kienu jġorru t-toroċ tal-Olimpjadi, dawk li jġorru l-fjamma tal-Ispirtu. Jalla l-Ispirtu jgħinna mmiddu xi pass f’din id-direzzjoni!
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard